Thursday, July 30, 2026
Home Sport L-informazzjoni li għandna hija ftit wisq biex nieħdu deċiżjoni – Matthew Paris...

L-informazzjoni li għandna hija ftit wisq biex nieħdu deċiżjoni – Matthew Paris (viċi-president tal-Malta FA)

0
3

Minn Cristian Muscat

Il-Malta FA għadha ma ħaditx pożizzjoni dwar il-pjan ta’ investituri privati tal-FIFA propost mill-President, Gianni Infantino.

Il-FIFA nhar it-Tlieta ħabbret pjanij biex toħloq sussidjarja kummerċjali biex tmexxi l-akbar avvenimenti tagħha, bħat-Tazza tad-Dinja u t-Tazza tad-Dinja tal-Clubs.

Skont il-proposta, investituri privati jitħallew jakkwistaw ishma fil-kumpanija iżda jibqgħu azzjonisti minoritarji, qalet il-FIFA. Il-Federazzjoni Mondjali tittama li tiġbor sa $4.2 biljuni bbażati fuq valutazzjoni ta’ $20 biljun għall-FFE.

Jekk jiġi approvat, il-proġett jista’ jipprovdi lil kull waħda mill-211-il assoċjazzjoni membru tal-FIFA b’pagament ta’ darba ta’ $40 miljun fil-bidu tal-2027 u jżid l-allokazzjoni tal-finanzjament tagħhom għaċ-ċiklu 2027-2030 minn $8 miljun għal $20 miljun.

Proprju rigward dan, dan il-ġurnal tkellem mal-viċi-president tal-Malta FA, Matthew Paris, li żvela aktar dettalji.

“Ir-risposti għall-mistoqsijiet veri u proprja mhu­miex qegħdin f’dan id-dokument … kif ġie magħżul l-investitur …  per eżempju għalfejn ‘Mr X’ u mhux ‘Mr Y’ .. hemm ħafna domandi li mhu­miex imwieġba u li huma fundamentali.

“Aħna għandna Laqgħa tal-Eżekuttiv tal-MFA, nhar it-Tnejn, 3 ta’ Awwissu, fejn bħala Eżekut­tiv li għandu l-poter li jiddeċiedi dan it-tip ta’ affari­jiet, issir diskussjoni sana rigward din il-materja u mbagħad inkunu f’pożizzjoni li jew nieħdu deċiżjoni jekk ikollna l-informazzjoni disponibbli peró f’dan l-istadju m’għandniex l-informazzjoni neċessarja biex tittieħed deċiżjoni.”

“Fil-fatt jekk tara l-pożizzjoni tal-maġġor parti jew tal-Konfederazzjonijiet b’esklużjoni tal-UEFA jew tal-Assoċjazzjonijiet Membri, bħalna kulħadd l-istess pożizzjoni għandu … jekk tara fost oħ­rajn lil Wales, l-Awstralja u l-Ingilterra, m’hemmx biżżejjed informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni.”

“Dak li ġara hu li l-media żvelat id-dettall ta’ dak li qed jintqal allura l-affarijiet ma ħadux  il-perkors naturali tagħhom u allura issa kienu kostretti jgħaddulna l-informazzjoni imma ma tawniex kollox, żgur li m’aħniex f’pożizzjoni li nieħdu deċiżjoni.”

“Issa meta ngħidu nieħdu deċiżjoni, dan qisu kulħadd qed jaħseb li hemm xi vot mill-aktar fis … iżda la hemm mozzjoni, la hemm proposta vera u proprja, la hemm deċiżjoni ta’ meta din id-deċiżjoni trid tittieħed …. m’hemm xejn minn dan, sal-lum.”

“U għalhekk m’hemmx urġenza biex tittieħed deċiżjoni llum rigward din il-materja. L-iktar ħaġa diżappuntanti hija li l-istakeholders veri u proprji li huma aħna, m’għandniex informazzjoni biżżej­jed biex nieħdu deċiżjoni għal din il-portata. L-ewwel ħaġa irridu nifhmu x’qed jintqal … mhux veru li qed tinbiegħ it-Tazza tad-Dinja … li qed jinbigħu huma d-drittijiet kummerċjali tat-Tazza tad-Dinja.”

“Qed nitkellmu fuq il-fatt li jkollok parachute payment ta’ darba ta’ $20 miljun u mbagħad $20 miljun over cycle li l-MFA tkun qed tirċievi bħal 211-il pajjiż l-ieħor.”

“Biex nerġa’ lura għall-kwistjoni, il-problema tagħha hi li qed nitpoġġew biex nieħdu deċiżjoni fuq xi ħaga li ma nafux x’inhi. Il-pożizzjoni tal-UEFA hija waħda pjuttost voċifera kontra.

“Peró, biex inkunu għedna l-istorja kollha, il-UEFA diġá għandha arranġament simili ma’ kumpanija jismiha Relevant, jiġifieri, qegħdin nitkel­lmu rigward l-istess ħaġa identika, dwar xi ħaġa kompletament differenti? Ma nistax nirrispondik għax ma nafx.”

“Bħalissa l-Assoċjazzjonijiet qegħdin jiġbru l-informazzjoni … ovvjament id-diżappunt tal-MFA bħal ta’ oħrajn li diġá esprimew il-fehma tagħhom hija li ma ngħatawx l-informazzjoni qabel u ma ngħatawx l-informazzjoni kompleta li tpoġġihom f’pożizzjoni  diffiċli biex jieħdu n-naħa favur jew kontra… issa mbagħad meta ħa niġu biex nivvutaw jekk qatt hux se niġu biex nivvutaw … dik hija storja oħra.”

“Mhux eskluż, hekk kif din il-materja għadha pjuttost fluwida, li (illum) waqt it-Tieni Assemblea Ġenerali tal-MFA għal din is-sena, fl-indirizz tiegħu, il-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, isemmi xi ħaġa rigward din il-materja.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here