VALLETTA …………………0
RAKOW ………………………4
(Agg: Rakow 7-1)
Minn Cristian Muscat
Intemmet l-avventura Ewropea ta’ Valletta, meta fit-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League sfaw megħluba mill-Pollakki ta’ Rakow bl-iskor kbir ta’ 4-0 għal aggregate ta’ 7-1.
Valletta dehru li setgħu iwettqu rimonta sal-ewwel 20 minuta, iżda minn hemm ‘il quddiem, Rakow ħadu l-kmand assolut tal-partita, fejn saħansitra, il-wirja ta’ Valletta fil-Polonja matul il-ġimgħa li għaddiet tista’ titqies bħala superjuri għal dik f’pajjiżna.
B’hekk intemmet kampanja ferm diżappuntanti għall-clubs Maltin li kienu nvoluti f’kompetizzjonijiet Ewropej, jiġifieri Floriana, Marsaxlokk, Hamrun Spartans u l-istess Valletta, hekk kif ħadd minnhom ma rnexxielu jikseb il-passaġġ għar-round sussegwenti tal-kompetizzjoni li kienu nvoluti fha.
Kienu Valletta li ħolqu l-ewwel periklu mal-kwarta logħob meta l-captain, Brandon Paiber, venven xutt b’saħħtu fil-baxx minn barra l-kaxxa li ntemm ftit barra.
Il-Beltin komplew jippressaw u erba’ minuti wara, f’azzjoni kważi foto-kopja għal dik preċedenti, din id-darba kien Thaylor Aldama, li kellu t-tentattiv fil-baxx minn barra l-kaxxa jgħaddi viċin il-lasti.
Iżda fit-22 minuta, kontra x-xejra tal-logħob, kienu l-Pollakki li fetħu l-iskor meta MICHAEL AMEYAW, wara li rċieva mingħand Adin Molnar, mattar siequ u mill-viċin tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper Barżiljan ta’ Valletta, Adilson Maringa.
U jidher li huma ma kinux kuntenti biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif, fil-31 minuta, huma rduppjaw l-iskor meta l-ewwel Molnar kellu x-xutt mid-distanza jiġi salvat minn Maringa, biex mir-rebound pront kien TOMASZ PIENKO li minn taħt il-lasta, ma ħafirx.
Valletta għamlu reazzjoni u wieġbu tmiem minuti wara meta Alex de Aguiar Gomes dar tajjeb mal-markatur strett tiegħu, qabel spara xutt b’saħħtu kważi minn tarf il-kaxxa li iżda ntemm għoli.
Peró, fit-tieni taqsima l-Pollakki komplew jiddominaw, tant, li fl-54 minuta, skorjaw it-tielet goal meta t-tentattiv ta’ ADIN MOLNAR ġie salvat parzjalment minn Maringa iżda l-ballun reġa’ wasal għandu u bil-kalma kollha tefa’ l-ballun fix-xibka.
U biex l-affarijiet ikomplu sejrin ħażin għall-Beltin, mas-siegħa logħob, huma spiċċaw jilagħbu b’10 players, meta tkeċċa Petar Sekulovic wara li ntwera t-tieni karta safra għal foul fuq Tomasz Pienko.
Fl-74 minuta, Rakow kienu għoddhom żiedu l-iskor meta s-sostitut Oliwier Kwiatowski venevn xutt minn barra l-kaxxa iżda sab lil Maringa attent li wettaq save kbir.
Il-Pollakki komplew jheddu u żewġ minuti biss wara reġgħu resqu qrib li jsibu x-xibka meta s-sostitut, Mahir Emreli, kellu d-daqqa ta’ ras mill-viċin salvata għal darb’ oħra minn Maringa, biex reġa’ kien providenzjali għall-Vallettani.
Madankollu, ir-raba’ goal ma damx ma wasal meta preċiżament fit-78 minuta, PATRYK MAKUCH, wara li rċieva mingħand Kwiatowski, ħasad għal kollox lil Maringa u spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.
Valletta: Adilson Maringa, Sava Radic (Neil Anthony Micallef 78), Emmanuel Moise Mbende, Ermin Bicakcic, Ignacio Manuel Morello (Mattias Ellul 67), Petar Sekulovic, Brandon Paiber, Roko Prsa (Keyon Ewurum 58), Diogo Tavares, Thaylor Aldama, Alex de Aguiar Gomes (Bruno Gomes 58) – Coach: Thane Micallef
Rakow: Kacper Trelovski, Fran Tudor, Didi Gaucho, Jerzy Napieraj, Jean Carlos Silva (Jakub Jendryka 58), Vladyslav Kocherhin, Oskar Repka (Abraham Ojo 67), Michael Ameyaw (Erick Otieno 67), Adin Molnar (Oliwier Kwiatkowski 58), Patryk Makuch, Tomasz Pienko (Mahir Emreli 67) – Coach: Dawid Kroczek
Referee: Pavle Ilic (Serbja)
assistenti: Milan Pasajlic, Uros Radovanovic (Serbja)
Raba’ Uff.: Predrag Janjus (Serbja)
Skorers: M. Ameyaw 22, T. Pienko 31, A. Molnar 54, P. Makuch 78 (R)
Ammoniti: T. Aldama, S. Radic (V), F. Tudor (R)
Tkeċċa: P. Sekulovic 60 (V)




