Thursday, March 28, 2024

L-INFRASTRUTTURA FIĊ-ĊENTRU TAL-POLITIKA TAL-GVERN

Aqra wkoll

Ilkoll kemm aħna nintlaqtu b’mod dirett u anke indirett mill-qasam infrastrutturali ta’ pajjiżna. Huwa wieħed mis-suġġetti li spiss ikun fil-qalba tad-diskussjoni politika f’pajjiżna. Huwa fil-qalba tal-ħidma għal livell ta’ għajxien aħjar għal kull wieħed u waħda minna, u għalhekk huwa intrinsikament marbut ma’ kemm pajjiż jimxi ’l quddiem u jsaħħaħ l-bażi ekonomika u soċjali tiegħu. Huwa wkoll fil-qalb tal-ambizzjonijiet u l-aspirazjonijiet tal-Gvern biex ifassal il-Malta ta’ għada. Malta li tiffoka l-pjan soċjali u ekonomiku fuq infrastruttura ta’ eċċellenza.

Għalhekk, meta wieħed jikkunsidra l-importanza ta’ infrastruttura moderna, wieħed jirrealizza wkoll l-importanza li jsir żvilupp għaqli u maħsub sew f’dan il-qasam. Huwa għalhekk li Gvern Laburista investa f’infrastruttura li tejbet il-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, saħħet l-aċċessibiltà f’kull belt u raħal f’Malta filwaqt li ħolqot bilanċ sostenibbli bejn l-impatt ambjentali u n-neċessitajiet tal-poplu Malti u Għawdxi. 


Ħafna sar tul dawn l-aħħar snin speċjalment fis-sena 2021 u dan seħħ għax kif qal tajjeb riċentament il-Ministru Ian Borg: “Għax gvernijiet preċedenti ħallew is-settur tal-infrastruttura jaqa’ lura.” Ħafna sar biex titwitta l-Malta li trid timplimenta l-istrateġija ekonomika tagħha għall-għaxar snin li ġejjin. Kien għalhekk li dan il-Gvern ħa ħsieb biex jimbarka fuq proġett ta’ €100 miljun fis-sena biex jiġu rranġati t-toroq residenzjali madwar il-pajjiż.


Ma’ dawn però hemm ukoll it-tlestija ta’ proġetti infrastrutturali kbar f’żoni partikolari tal-pajjiż fejn l-aktar li kien jinġema’ t-traffiku, liema proġetti llum il-ġurnata qegħdin naraw il-frott tagħhom.

Dak li assistejna għalih fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, bl-inawgurazzjoni tal-proġett tas-Central Link huwa proprju xhieda ħajja ta’ dan. Investiment ta’ €55 miljun li qed isarraf f’50% inqas ħin ta’ vvjaġġar u 66% inqas tniġġis tal-arja. 


Dan il-proġett, li kien ilu 60 sena fuq l-ixkaffa b’detriment għall-progress ekonomiku u ambjentali, jinkludi wkoll 11-il junction ġdida, 14-il kilometru ta’ korsiji ġodda u huwa msebbaħ b’1,160 siġra indiġena ġdida u 13,744 arbuxella u pjanti oħra. Dan filwaqt li nħolqu 10 kilometri ta’ passaġġi ġodda għall-mixi u 4 kilometri ta’ passaġġi għaċ-ċikliżmu u għall-mixi.

Grazzi għal dan l-investiment, illum f’madwar għoxrin minuta tasal sal-Kapitali. Dan ifisser inqas ħin imwaħħal fit-traffiku u iktar ħin ta’ kwalità għar-residenti biex iqattgħuh mal-familjari tagħhom. Minn dan l-investiment fl-infrastruttura gawdew ukoll in-negozji billi l-ħaddiema bdew jaslu fi ftit ħin fuq il-post tagħhom. 


Kumplimentari ma’ dan, hemm ukoll il-proġett tal-underpass tal-Imrieħel li għalkemm għadu mhux konkluż, jinsab fi stadju avvanzat. Barra minn hekk, hemm ukoll il-proġett ta’ Ħal Kirkop li se jagħmel aċċess aħjar għaż-żona ta’ madwar l-ajruport. Hemm ukoll il-pont innovattiv ta’ 110 metri fi Blata l-Bajda għall-ivvjaġġar bil-mixi, b’tal-linja jew bir-rota aktar sigur u aktar komdu bejn il-Ħamrun, il-Marsa u l-Floriana. Dan il-proġett ta’ €2 miljun iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.


Tajjeb ukoll insemmu l-pjan ambizzjuz ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. Din il-viżjoni se ssir f’disa’ żoni ta’ dan il-port, li sar wara studju u konsultazzjoni ma’ esperti lokali u internazzjonali, f’dawn l-aħħar snin.

Ħafna sar però ħafna għad baqa’ xi jsir biex dal-pajjiż verament ikollu sistema infrastrutturali ta’ eċċellenza. Ħafna għad baqa’ xi jsir biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies residenti fin-Nofsinhar ta’ Malta speċialment l-Ewwel u t-Tielet Distrett. U biex dan jintlaħaq l-infrastruttura hija fuq quddiem fl-aġenda politika tiegħi. U biex dan jintlaħaq, kont, għadni u nibqa’ naħdem qatigħ  biex dan l-iżvilupp infrastrutturali verament ikollu impatt pożittiv fuq kull resident fl-Ewwel u t-Tielet Distrett; bħalma għamilt riċentament meta ressaqt l-ilmenti taż-Żwieten għand l-aġenzija Infrasfruttura Malta dwar iż-żieda fit-traffiku konsegwenza tat-tneħħija tal-lights tan-nofs fit-Triq tal-Barrani. U biex dan jintlaħaq ħa nkompli ngħaddi l-messaġġ bieb bieb li l-għażla naturali fl-elezzjoni li jmiss huwa l-Partit Laburista.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss
Ekonomija

Sport