Wednesday, April 24, 2024

AKTAR FLUS FIL-BUT

Cressida Galea
Cressida Galea
Ekonomista

Aqra wkoll

Din l-injezzjoni ta’ €70 miljun oħra li ħabbar il-Gvern Laburista hija investiment dirett fil-poplu Malti u Għawdxi, u kif ukoll stimolu ekonomiku li se tkompli tinkoraġġixxi l-attività ekonomika tas-settur privat u b’hekk tistimula l-ekonomija tal-pajjiż. B’dan l-investiment, il-Gvern se jkun qed jagħti ċekk addizzjonali ta’ €100 lill-ħaddiema u l-istudenti u ċekk addizzjonali ta’ mitejn ewro lill-pensjonanti u dawk fuq l-għajnuna soċjali. Kif ukoll, il-Gvern se jkun qed jagħti ċekk ieħor tar-rifużjoni tat-taxxa.

L-għan huwa li tiżdied id-domanda aggregata permezz ta’ l-infiq tal-konsumatur, u l-investiment privat. B’aktar flus fil-but, dak li nsejħulu dħul disponibbli, li huwa dħul li jibqa’ wara tnaqqis tat-taxxa dovuta, il-konsumatur ser ikollu aktar flus x’jonfoq fil-prodotti u servizzi offruti fis-suq lokali. Dan ser iwassal għal aktar dħul għan-negozji li jista’ jwassal għal akbar investiment fl-operat u saħansitra għal domanda akbar tax-xogħol. Dan ifisser żieda fl-investiment privat u fl-impjiegi. Din hija l-fluss ċirkolari tad-dħul fl-ekonomija li twassal għal akbar tkabbir ekonomiku. 

Dan l-investiment ikompli jħeġġeġ il-fiduċja tan-nies fil-Gvern u jkompli jwassal għal sentiment pożittiv tal-konsumatur li jiġġenera tkabbir ekonomiku. M’għandniex inħarsu lejn dan l-investiment b’mod iżolat, iżda bħala parti minn pakkett ta’ miżuri li implimenta l-Gvern Laburista li huwa l-kawża ta’ prospetti pożittivi li għandu dan il-pajjiż taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela. 

Sport