Monday, April 29, 2024

LEJN REBĦA KBIRA LABURISTA

Aqra wkoll

L-elezzjoni tinsab magħna u bħalissa tibda tinħass il-klima politika fejn kulħadd jibda jitkellem fuq il-ġuranata tal-elezzjoni. Fil-verità ħsiebna jrid imur lil hinn minn hekk. Il-ġurnata tal-elezzjoni tmur u tiġi imma l-mandat tal-Gvern jingħata għal ħames snin li ġejjin. Il-poplu jrid jiddeċiedi liema Partit għandu jiggverna u jmexxi lil pajjiżna fiż-żmien li ġej.

Din l-elezzjoni hija waħda partikolari ħafna wara li għaddejna minn legiżlatura f’mumenti difficli. 

Iż-żewg Partit kellhom tibdil fit-Tmexxija tagħhom. Il-Partit Laburista kif kien premeditat, wara l-għaxar snin ta’ Dr Joseph Muscat, eleġġejna lil Dr Robert Abela. Mill-mument li tela’ ngħaqadna flimkien u kulħadd beda jaħdem warajh għall-ġid ta’ pajjiżna.

Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista kellu rebus sħiħ. Wara t-telfa massiċċa l-elezzjoni li għaddiet in-Nazzjonalisti neħħew lil Dr Simon Busuttil u b’mod demokratiku eleġġew lil Dr Adrian Delia bl-għajta ta’ New Way. Il-battibekki ma waqfux u kien hemm gruppi u elementi oħra li bdew jaħdmu kontrih sa mill-bidu nett. Ma ħallewhx jaħdem u sal-lum għadna ma rajniex lill-Partit Nazzjonalista jinbidel; la new way u lanqas mod ieħor. Il-klikka baqgħet taħkem lil dan il-Partit sal-punt li keċċew lil Delia. Imbagħad kellhom paniku biex isibu lil xi ħadd li jmexxihom f’sitwazzjoni xejn feliċi. L-ewwel qalulna li sabu li Dr Therese Camodini Cachia imma mbagħad inqala’ xi ħaga u dawru kollox fuq Dr Bernard Grech. Dan tal-aħħar ma tantx ġab xi arja friska fil-Partit Nazzjonalista. Il-qasma bejn l-establishment u ta’ Delia għadha tinħass sal-lum. Partit mimli klikek, min jilbes il-flokkijiet ta’ Delia fl-attività tal-Partit uġlied fuq Facebook bil-botti u risposti bejn deputati, nies fl-amministrazzjoni u tesserati. Fi kliem sempliċi, kulħadd għandu l-aġenda u l-interessi tiegħu li żgur ma jgħinux sabiex jaħdmu f’partit wieħed.

Sakemm qiegħed isir dan kollu, ir-riżenji ma naqsux. Membri parlamentari, kunsilliera, oħrajn fl-amministrazzjoni; wieħed wara l-ieħor ma jħossuhomx komdi fil-partit u jiddeċiedu li jitilqu.

Filwaqt li fil-Partit Nazzjonalista, kien qiegħed isir dan kollu, fil-Partit Laburista irrenjat is-serenità li biha bdejna naħdmu lkoll flimkien wara Robert Abela. Hekk kif tela’ mill-ewwel sab quddiem wiċċu l-problema tal-pandemija li laqtet id-dinja bla mistenni bid-diffikultajiet kollha possibbli. Il-Prim Ministru mill-ewwel wera l-kobor tiegħu meta bid-deċiżjonijiet li ħa serraħ moħħ il-poplu kollu li s-servizz tas-saħħa ser jibqa’ jingħata b’xejn, lil kulħadd u se jibqa’ jkun ta’ livell. Saret ħidma konġunta mal-esperti biex iddaħħlu restrizzjonijiet u ġew rilaxxati meta kien hemm il-bżonn. Imbagħad intlaħaq il-bilanċ mill-aspett ekonomiku. Gvern li għandu jibqa’ mfakkar għad-deċiżjonijiet soċjalisti li ħa fl-iktar mument li l-pajjiż kellu bżonn. Gvern li daħal għan-negozjanti b’diversi skemi fosthom is-suppliment tal-paga u l-vouchers li għenu l-ekonomija tibqa’ tiġġenera u ggarantixxa li l-ħaddiem iżomm il-post tax-xogħol tiegħu.

’Il bogħod mill-pandemija dan il-Gvern għandu jibqa’ mfakkar għad-diversi riformi li huwa wettaq. Robert Abela jrid jibqa’ mnizzel fl-istorja bħala l-iktar Prim Ministru li neħħa l-poteri li l-Prim Ministri ta’ qablu kellhom. Dan sabiex isaħħaħ is-saltna tad-dritt u jtejjeb il-Governanza. Dan ġibed l-attenzjoni tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem Dunja Mijatović li kellha kliem ta’ tifħir għar-riformi li mbarka fuqhom dan il-gvern fil-qasam tal-governanza tajba, it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u d-drittijiet ċivili.

Matul din il-legiżlatura rajna riformi kbar fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali bil-għan li permezz ta’ skemi introdotti, dawk li jikkwalifikaw għalihom jtejbu l-għajxien tagħhom u saħansitra ngħataw għajnuna biex ikunu s-sid ta’ darhom. Mill-2017 sal-lum il-ġurnata saru xogħlijiet ta’ tisbiħ u ta’ titjib fuq aktar minn 600 blokka fl-oqsma tal-akkomodazzjoni soċjali.

L-ambjent ukoll ingħata l-prijorità u l-attenzjoni li jixraqlu. Saret bidla fil-mentalità fil-progetti li twettqu fejn filwaqt li sar l-iżvilupp li hemm bzonn, inħoloq bilanċ biex ikollna ambjent isbaħ u aħjar. Illum il-familji jistgħu jgawdu aktar spazji miftuħa. Il-proġett ta’ Wied Fulija huwa proġett ambizzjuż fejn inħoloq spazju li qabel kien miżbla issa trasformat għal spazju miftuħ għall-familji. Dan kollu sar b’investiment ta’ €4.5 miljun, b’kofinanzjament ta’ fondi Ewropej. Post li serva bħala miżbla issa għandu fih 43,000 siġra u arbuxell.

Dawn huma ftit eżempji li wettaq dan il-Gvern. Ħidma kollettiva f’kull aspett imma komuni f’dak kollu li wettaqna jpoġġi l-persuna fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Il-Prim Ministru li sa mill-bidu nett saħaq fuq il-politika għan-nies. F’kull okkazzjoni jsemmi dan u lilna l-kandidati jħeġġiġna biex inkunu qrib in-nies. 

Dan il-kunċett addotajtu jien ukoll fil-kampanja tiegħi u ta’ kuljum qiegħed nagħmel dan b’diversi modi sabiex inżomm kuntatt man-nies. Kuljum niddedika l-ħin biex inżur il-familji fid-djar tagħhom u nżur il-lokalitajiet f’kull okkażżjoni possibbli. B’dan il-mod naċċerta li nsir naf aktar lin-nies u l-lokalitajiet tar-raba’ distrett fejn ser inkun qiegħed nikkontesta fl-elezzjoni ġenerali. B’hekk ikolli aktar għarfien dwar l-isfidi li qegħdin jesperjenzaw in-nies, imbagħad inkunu f’pożizzjoni aħjar biex inkun nista’ nfassal il-politika tiegħi u nkun il-vuċi tagħkom.

In-nies huma grati għall-ħidma li wettaqna bħala Gvern Laburista u permezz tal-vot tagħhom ser jagħtu l-grazzi lill-Robert Abela. Il-poplu jrid jagħti mandat ieħor lill-Partit Laburista biex ikompli fil-ħidma tiegħu.

Irridu noqogħdu attenti minn messaġġi negattivi jew b’aġenda moħbija. Nieħu eżempju l-kampanja li beda Peppi Azzopardi ftit tal-ġimgħat ilu. Dan spjega li mhux tajjeb li l-Partit Laburista jerbaħ b’moġġoranza kbira u ħeġġeġ lil dawk il-Laburisti li għal xi raġuni jew oħra jinsabu urtati biex ma jivvutawx.

Dan kollu waqa’ l-gimgħa l-oħra meta f’gazzetta tal-Ħadd li għadda ġie rapurtat li Bernard Grech qal lil sħabu li jekk jitlef b’distakk ta’ 30 elf vot, xorta waħda jibqa’ Kap. Dan ifisser li għal darb’oħra l-Partit Nazzjonalista mhux jifhem li l-poplu qiegħed iwarrab il-politika tal-ħdura u l-mibegħda. Il-poplu ilu elezzjoni waħda wara l-oħra juri lill-Partit Nazzjonalista li għandu bżonn jinbidel u din l-elezzjoni mhux se tkun eċċezzjoni.

Huwa neċessarju anzi, bil-kuntrarju ta’ li qal Peppi Azzopardi, li l-Partit Laburista jġib maġġoranza kbira ħafna għax mhux biss li l-Partit Laburista jimmeritah mandat b’saħħtu, imma wkoll għax il-Partit Nazzjonalista jrid jifhem li ma jistax jibqa’ b’politika antikwata, b’messaġġi ta’ mibegħda, kontra Malta u l-maqtugħ mir-realtà.

Lil dawk il-Laburisti urtati nistedinhom biex jersqu lejna l-kandidati ħalli flimkien naraw fejn huma n-nuqqasijiet u naraw kif tista’ tinstab soluzzjoni. Il-bieb tiegħi miftuħ u mingħajr ma nwiegħed wegħdiet fiergħa, nwegħidkom li nagħmel dak kollu possibbli biex ngħin. La taqtgħux qalbkom. Jekk ma nqdejtux minn xi kandidat partikolari ma jfissirx li l-bieb tal-Partit Laburista huwa magħluq. Ersqu lejna u ressqu l-ilmenti tagħkom. Flimkien naslu u nsibu soluzzjoni żgur.

Lil-Laburisti konvinti ngħidilhom li issa huwa l-mument li nxammru l-kmiem sabiex nagħmlu żgur li l-messaġġ tal-Partit qiegħed jasal għand kulħadd. Nirringrazzjakom tax-xogħol kollu li twettqu b’mod volontarju matul is-sena. Is-saħħa tal-Partit Laburista huwa intkom in-nies li tagħmlu l-Partit tagħna l-akbar forza politika f’pajjiżna.

Il-Ħadd it-tajjeb.

Sport