Monday, September 23, 2024

L-inizjattiva Stabbiltà ħalliet effett sostanzjali tant li r-rata ta’ inflazzjoni kompliet tonqos

Aqra wkoll

Skont l-aħħar statistika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fi Frar li għadda l-kejl tal-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut niżel għal 2.3%. Dan juri tnaqqis meta mqabbel ma’ xahar qabel, f’Jannar.

Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Ministeru għall-Ekonomija, fejn fi stqarrija ingħad li l-istatistika tal-NSO tikkonferma li l-iskema li ddaħħlet mill-Gvern fil-bidu tal-istess xahar, dik li tissejjaħ Stabbiltà, qed tħalli effett sostanzjali.

Bi ftehim bejn il-Gvern u diversi importaturi u sidien ta’ ħwienet, kien hemm stabbilita’ f’erba’ mitt prodott, fi ħmistax -il kategorija tal-ikel. Intqal kif id-differenza bejn Jannar u Frar kienet akbar mid-differenza bejn il-ħames xhur ta’ qabel magħdudin flimkien.  

Il-Ministeru għall-Ekonomija innota wkoll, li r-rata tal-inflazzjoni fir-rigward tal-prezzijiet tal-ikel, bejn Jannar u Frar, naqset b’1.2%. Madanakollu, f’Settembru, pajjiżna kellu sitwazzjoni xejn faċli. Dan minħabba li l-inflazzjoni f’pajjiżi oħra bdiet nieżla, iżda f’Malta baqgħet ma naqsitx u saħansitra kompliet tiżdied.

B’hekk il-Gvern, permezz tal-Ministeru tal-Ekonomija beda ezerċizzju biex jiġu identifikati dawk il-prodotti li l-prezz tagħhom beda jvarja. B’dan wassal għat-tielet patt soċjali fi ftit snin.  

Intqal ukoll kif minn dejta miġbura mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, fost l-aktar prodotti tal-ikel li raw tnaqqis fl-inflazzjoni kien hemm evidenti diversi prodotti f’din l-inizjattiva, fosthom il-kafè, il-marġerina, it-tonn taż-żejt u l-ħaxix iffrizat.  

Il-Ministeru nnota wkoll kif din l-inizjattiva ħalliet impatt anke fuq prodotti oħrajn tal-ikel li mhumiex fl-inzjattiva.  

Intqal kif l-aġenzija ta’ kreditu Fitch Ratings qalet li din l-inizjattiva wasslet għal kompetizzjoni bejn prodotti tal-ikel oħrajn u għalhekk mistennija tkompli twassal għal aktar roħs fil-prezzijiet.  

Din l-istqarrija temmet tgħid li, bħala Gvern, jibqa’ kommess biex jgħinu lill-familji jtaffu mill-piż tal-inflazzjoni tal-aħħar snin minħabba l-isfidi internazzjonali bla preċedent. Hawnhekk fost oħrajn issemma s-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels. 

Sport