Saturday, May 4, 2024

L-inspirazzjoni li tgħaqqadna hi Malta pajjizna

Biex taħdem għal pajjiżek, trid verament tkun tħobbu

Aqra wkoll

Fil-Konferenza Nazzjonali li laqqajt din il-ġimgħa, ħareġ biċ-ċar li dak li nemmen fih jien, ma nemmnux waħdi. Jemmnuh ukoll dawk kollha li attendew u tkellmu matul il-Konferenza, li l-iskop ewlieni tagħha kien sempliċiment li nisma’.

Xtaqt nisma’ liem huma l-isfidi li jaraw iż-żgħażagħ tagħna, il-pensjonanti, min iħaddem u min jaħdem.

Xtaqt nisma’ l-viżjonijiet tagħhom, u dak li jinspirhom ikomplu jaħdmu.

L-entitajiet u l-organizzazzjonijiet li kienu preżenti qasmu magħna dak kollu li għalijhom hu importanti, u kien hemm xi ħaġa komuni fil-ħsibijiet tagħna.

Dik li meta ningħaqdu, nistgħu nagħmlu ħafna ġid, għaliex aħna, għalkemm pajjiż żgħir, meta kellna bżonn ningħaqdu, wasalna. Dan huwa s-sigriet li jista’ jwassalna ‘l quddiem.

Ejjew mela nwarrbu dak li jifridna u niffokaw fuq dak li jgħaqqadna.

Dan il-proċess ta’ djalogu miftuħ se nkompluh fix-xhur u s-snin li ġejjin għaliex dan huwa l-mod kif jien nara li għandha ssir il-politika f’pajjiżna.

Il-viżjoni tiegħi hija mibnija fuq għaxar punti li meta tagħsarhom flimkien tara li għandi għal qalbi l-aktar il-progress ekonomiku, dak ambjentali kif ukoll il-ġustizzja soċjali.

Bdejt din il-kampanja minn fostkom u dejjem sħaqt li rridkom tkunu miegħi fil-passi li se nkun qed nagħmel matul dawn ix-xhur. Il-kampanja tiegħi hija mibnija fuq l-aspirazzjonijiet tagħkom, u għalhekk jinteressani ħafna nismagħkom meta niltaqgħu fl-ibliet u l-irħula.

Il-pajjiż li bnejtu intom, tul is-snin, se nibqgħu npoġġuh l-ewwel u qabel kollox. Il-bajda u ħamra, nbusha. Pajjiżna jista’ faċilment ikun il-mudell il-ġdid li pajjiżi oħra jikkupjaw. Għandna l-opportunitajiet li nwettqu t-tibdil li hemm bżonn fid-diversi oqsma u flimkien nkomplu nissaħħu.

Matul dawn il-ġimgħat qed nitgħallem ħafna mill-esperjenzi li taqsmu miegħi.

Esperjenzi ta’ pajjiż li jkompli jimlini b’ kuraġġ għal pass li jmiss. Ejjew nkattru iktar minn dawn l-esperjenzi li se jibqgħu f’ qalbi. Esperjenzi li fuqhom irrid nibni l-politika tiegħi; politika ta’ maturità.

Għalhekk irrid il-politika li tagħti s-soluzzjonijiet.

Il-politika ta’ Vanessa li għandha tifel fuq l-ispettru u li tixtieq tara iktar aċċessibilita’ u opportunitajiet. Il-Politika ta’ Christine, Gilmour u Jacob li għalkemm għandhom diżabbilita’, huma jaħdmu u integrati sew fis-soċjeta’ pero` dejjem hemm lok għal aktar. U l-politika ta’ Loreto, l-anzjan li jikkontribwixxi lejn is-soċjeta’ tagħna b’ mod sħiħ bil-ħidma tiegħu ma’ dawk li qegħdin f’ xi vizzju kif ukoll qed igawdi minn pensjoni li kull sena qed tiżdied.
Dan hu li rrid nkompli nkattar. Magħkom u Fostkom; Flimkien dejjem nistgħu nibqgħu nsaħħu lil Malta pajjiżna.

Il-ġimgħat li għaddew komplew jikkonvinċuni li għamilt l-għażla t-tajba. Dik li nikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’ Ġunju li ġej, sabiex inkun nista’ nkun il-vuċi tagħkom. Il-vuċi li bħalkom temmen fil-futur ta’ Malta pajjiżna, li jista’ jkun aħjar minn dak li għaddejna minnu.

Dan il-pajjiż irid ikun maqgħud biex jibqa dak il-miraklu ħaj, li jasal fejn ma jaslux pajjiżi oħra.

Flimkien se nsaħħu lil Malta Pajjiżna bħala dik l-aspirazzjoni li tgħaqqadna.

Sport