Dan l-aħħar fuq il-One TV qed ikun hemm programm fuq l-Interdett ta’ żmien is-sittinijiet u sensiela ta’ intervisti ma nies li kienu ntlaqtu mill-interdett. Dan barra l-intervisti li saru wkoll fuq ġurnali u anki fuq it-Talk.mt. Għalija din l-attivita’ hi importanti. Hi importanti għaliex min impona l-interdett u min kien għal xi raġuni jaqbel miegħu rnexxielhom tul iż-żmien inessuh.
Irnexxielhom billi ma jitkellmux fuqu. Dan m’għamluhx biss dawk tal-Knisja u tal-partiti politiċi li rikbu fuqu, imma anki storiċi. Dawn tal-aħħar kienu sempliċiment isemmuh mill-impatt fuq il-PL. Rari ssib lil xi ħadd mill-istoriċi li kien jidħol fid-dettal u jsemmi l-impatt li kellu fuq in-nies komuni. It-tendenza tal-istoriċi hi li jiffukaw fuq l-impatt li kellu fuq il-partiti politiċi, qiesu ma kien hemm l-ebda impatt fuq in-nies komuni.
Għalija l-impatt fuq is-soċjeta’ kellu żewġ aspetti. L-ewwel aspett kien l-impatt fuq is-soċjeta in ġenerali. Ir-reazzjoni tal-PL li rreżista din l-azzjoni, fetħet il-bieb biex is-soċjeta’ Maltija ssir soċjeta’ demokratika. Issir demokratika għaliex f’soċjeta’ demokratika, is-soċjeta’ ma tiġix ikkontrollata minn xi reliġjon partikolari u kulħadd għandu dritt għall-fehmiet tiegħu mingħajr ma jiġi kkastigat. Irridu niftakru li Malta dak iż-żmien kienet qiesha l-Iran tal-lum fejn il-pajjiż bil-liġijiet tiegħu hu kkontrollat mir-reliġjon Iżlamika.
Jekk wieħed jaħseb daqsxejn isibha stramba li llum għandek il-pajjiżi Ewropej li jikkritikaw lill-Iran għax hu kkontrollat mir-reliġjon tiegħu b’impatt li jtellef id-drittijiet ta’ ħafna nies. Dan għaliex dawn il-pajjiżi qatt ma tkellmu fis-sittinijiet fuq dak li kien qed jiġri Malta għaliex Malta kienet kolonja Ingliża, fortizza tan-NATO u bil-Knisja taħdem biex tipproteġi dan l-ambjent. Ġew jitmejlu mill-poplu Malti basta jeħilsu mill-PL minħabba n-newtralita’ li kellu.
F’Malta ftit ifakkru s-sitwazzjoni li konna ngħixu fiha dak iż-żmien. Dak iż-żmien jien kont għadni żgħir, biss niftakar ċerti affarijiet. Per eżempju, id-dominanza li kellu l-Arċisqof. Kien qiesu r-Re ta’ Malta. Biex imur minn post għall-ieħor kien jivvjaġġa bil-karozza Amerikana ħamra li kienu tawh il-Maltin Amerikani – karozza kbira ħamra li żgur ma kienx hawn oħra bħalha. Waqt li jkun għaddej in-nies mal-ewwel jittendu bil-karozza u kien ikollhom jinżlu għarkupptejhom sakemm jgħaddi. Kont naqla’ daqqiet fuq rasi mhux ħażin għaliex jekk ma kontx nittendi li ġej jew ma kontx ninżel għarkuppteja.
Kien hemm ħafna affarijiet oħra li lili ma kienux għadhom jolqtuni. Per eżempju, f’Malta jekk int kont trid tiżżewweġ, ma kellekx altenattiva u kellek bilfors tiżżewweġ fil-Knisja, temmen u ma temminx. L-istess, per eżempju, jekk int ma kienx ikollok kwalifika fir-reliġjon Kattolka, ma kontx tista’ ssir għalliem, minkejja li int kont ser issir għalliem ta’ suġġett li m’għandux x’jaqsam mar-reliġjon. Kien hemm ħafna liġijiet oħra anti-demokratiċi li jikkontrollaw il-ħajja privata tan-nies u b’hekk kellhom kontroll fuq is-soċjeta’. Kollox kien taħt il-kontroll tal-Knisja – anki ċ-ċertifikat tat-twelid, kien il-Kappillan li joħorġu!
Biss li tiskanta hu li ma taqrax ktieb tal-istorja ta’ Malta fejn jemfasizza dawn ir-regoli anti-demokratiċi.
It-tieni aspett jolqotni aktar għax kien l-impatt li l-interdett kellu fuq is-soċjeta’ Maltija speċjalment fuq il-familji li kienu jxaqilbu lejn il-PL. Kellek ħafna familji li pubblikament ma kienux jitkellmu jew juru fehmithom pubblikament għaliex kienu jafu li l-impatt negattiv li kien ikollha l-familja mis-soċjeta’ in ġenerali. Ħafna kienu jibżgħu għaliex l-impatt negattiv ma kienx biss fuq wara mewtek, imma anki waqt li int għadek ħaj. Mhux biss kont tiġi mwarrab mis-soċjeta’ imma tintlaqat direttament biex tkun tista’ tgħajjex il-familja tiegħek. Dan għaliex kulħadd kien immarkat.
B’daqshekk ma jfissirx li internament dawn il-familji ma kienux jitkellmu u dan kien ġab qsim kbir f’ħafna familji.
Imma dawn l-affarijiet flimkien mal-moħqrija li kienu jbatu dawk li kienu juru fehmithom, dawn ma jissemmewx meta jissemma l-interdett. Din mhix xi ħaġa stramba għaliex anki meta jsemmu xi ħaġa li ġrat dawk iż-żmienijiet, ħafna storiċi jpinġuha b’mod ta’ suċċess. Nieħdu meta jissemma dak li ġara f’Għawdex meta l-PL organizza meeting pubbliku hemm f’dan iż-żmien, ħafna storiċi jpinġuha bħala suċċess tar-reżistenza li dawk ikkontrollati mill-Knisja offrew. Dan meta fir-realta’ kienet azzjoni anti-demokratika, bi ksur tal-liġi u moħqrija fuq dawk li kellhom fehmiet differenti.
L-istess, ftit li xejn isemmu l-biża’ li kienu joffru fuq il-poplu. Per eżempju, ma tissemmiex il-biża’ li kien qajjem Dun Ġorg Preca, fil-laqgħat li kien jagħmel il-Belt, meta semma li kienu ġejjin tlett ijiem ta’ dlam u kien importanti li dawk li jaqblu mal-azzjonijiet tal-Knisja jridu jdendlu xemgħa tal-gandlora żgħar wara l-bieb ta’ barra biex jipproteġu ruħhom tul dawn it-tlett ijiem ta’ dlam li suppost kellhom isiru.
Hu għalhekk li dan il-programm fuq il-One u l-media l-oħra hu importanti għaliex fuq kollox qed noħorġu l-ħdura u l-moħqrija fuq sezzjoni tal-poplu li saret bl-approvazzjoni tal-Knisja tul iż-żmien tal-interdett. Kienet tebgħa fl-istorja ta’ Malta. Biss kien żmien importanti għaliex beda jinfetaħ il-bieb biex l-individwu jkollu l-liberta’ li jemmen u jgħix kif irid.