Sunday, May 5, 2024

L-interess fis-supereroj naqas

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Ir-renju ta’ “Barbie” fil-box office Amerikana intemm u postu ħadu il-film ġdid tas-supereroj “Blue Beetle”.  Imma d-dħul fl-opening weekend kien ta’ $25.4 miljun.  Din iċ-ċifra hi anqas minn dik mistennija għal film maħdum b’budġit ta’ $120 miljun.  Mill-pajjiżi l-oħra fejn ħareġ għall-wiri, id-dħul kien ta’ $18-il miljun biex b’hekk hu wieħed bl-anqas dħul fl-ewwel tlett ijiem mid-DC Cinematic Universe.

“Barbie” niżel fit-tieni post.   “Oppenheimer” u “Teenage Mutant Ninja Turtles: Mutant Mayhem” okkupaw it-tielet u r-raba’ post rispettivament.

“Strays” iddebutta fil-ħames post b’dħul ta’ $8.3 miljun.  Kien mistenni li jmur aħjar, speċjalment fil-pajjiżi barra l-Amerika fejn ħareġ għall-wiri.  Minn 21 pajjiż, id-dħul kien ta’ $1.9 miljun biss.

Blue Beetle

Huwa minnu lil “Guardians of the Galaxy Vol. 3” u “Spider-Man: Across the Spider-Verse” marru mhux ħażin fil-box office.  Imma huwa minnu wkoll li films oħra tas-supereroj bħal “The Flash” “Shazam! Fury of the Gods” u “Ant-Man and the Wasp: Quantumania” fallew fil-box office.  Huwa sinjal li n-nies waslu f’punt li xebgħu jaraw films tas-supereroj?

Apparti “Blue Beetle”, għad baqalna naraw “The Marvels” (Novembru) u “Aquaman and the Lost Kingdom” (Diċembru).  Hawn min jargumenta li l-films tas-supereroj saru wisq mimlija karattri minfuħa bihom infushom.

U hawn fejn “Blue Beetle” jista’ jdaħħal ftit arja friska.  Biex iwessgħu kemm jistgħu l-appell għall-udjenzi, il-parti prinċipali ġiet mogħtija lill-attur Latino Xolo Maridueña.

Maridueña għandu l-parti ta’ Jaime Reyes.  Huwa jmur lura Palmera City.  Hemhhek isir jaf li l-familtu mgħandix flus u hemm possibilitá li jiġu sgumbrati minn darhom.

Jamie jitfa’ għajnejh fuq Jenny Kord (Bruna Marquezine).  Zitha Victoria (Susan Sarandon) tkun tmexxi bla skrupli l-Kord Industries.  Victoria tkun serqet il-kumpanija mingħand missier Jenny.

Victoria ikollha ħanfusa blu tal-metal, li tati l-impressjoni li hi xi ornament imma fir-realtá hi arma sigrieta, jew aħjar tista’ ddawwar persuna f’arma b’potenza kbira.  Jenny tisraq dan l-ornament u tgħaddih lil Jaime meta huma jiltaqgħu.  Meta jmur id-dar, Jamie jiftaħ il-kaxxa li kien hemm fiha din il-ħanfusa, li tippenetra ġismu u jsir il-ħanfusu blu.  Bis-saħħa t’hekk, huwa jakkwista abiltajiet straordinarji, fosthom li jista’ jilqa’ għall-balal sparati lejh u jtir fl-ispazju.  Ikun hemm vuċi f’rasu (vuċi tal-pop star Becky G).   Il-mod kif Jaime jittrasforma ruħu f’bniedem-magna, ifakkarni li jsir qiesu Iron Man, RoboCop, u Terminator f’daqqa.

Mgħandix għalfejn ngħidilkom li Victoria trid lura din l-arma speċjali.

Maridueña fil-parti ta’ l-ewwel supereroj Latino, għoġobni u jista’ għandu futur.

Wieħed għad irid jara x’għandu f’rasu James Gun li sar is-CEO ġdid tad-DC Studios.  Diġa għadda l-kumment li dan il-film ma tantx jiffittja fil-viżjoni tiegħu kif għandu jkompli jiżviluppa id-DC Extended Universe.  Għalhekk, taħt il-gwida tiegħu, il-karattru ta’ Blue Beetle ser jiġi rebooted ġo film ieħor mid-DC Universe imma qed jgħid li Xolo Maridueña jerġa jaħdem il-parti.

“Blue Beetle” hu kklassifikat 12A minħabba xi vjolenza moderata, theddid, xeni ta’ dmija u użu ta’ lingwaġġ mhux xieraq.

Strays

Dan hu film dwar klieb, li anke jitkellmu.  Imma mhux film għat-tfal.

Will Ferrell jislef il-vuċi tiegħu lill-border terrier li jismu Reggie.  Jaħseb li hu l-mimmi t’għajnejn sidu Doug (Will Forte).  Iddum ftit ma jintebaħ li Doug irid jeħles minnu u dak kollu li qed jagħmel hu biex jabbandunah.  X’għamel ħażin dan il-povru kelb?  Kaġun tal-kelb, Doug inqabad mhux leali lejn in-namrata li kellu.

Meta Reggie isib ruħu abbandunat, huwa jsib il-ħajja diffiċli.  L-affarijiet jibdew jieħdu xejra oħra meta Reggie jiltaqa’ mal-Boston terrier makakk Bug (Jamie Foxx).  Bug ma kienx jafda lin-nies.

Flimkien ma’ tliet iklieb oħra, Reggie jibda jgħaddi minn avventura waħda wara l-oħra imma jgħinuh jilħaq it-tir li kellu f’rasu: dik li jsib lil Doug u jpattilu talli abbandunah.

 Id-direttur Josh Greenbaum jgħaraf jibbilanċja bejn il-mumenti komiċi u l-mumenti emozzjonali.  L-atturi li jisilfu l-vuċijiet tagħhom huma tajba.  Jispikka ftit Will Ferrel fuq l-oħrajn.  Jagħti karattru konsistenti lil Reggie.

Il-film anke jevita li jaqa’ fin-nassa li jsibu rwieħhom fiha diversi films oħra dwar annimali mitlufa jew abbandunati.  Dan billi naraw il-klieb jipproċessaw u jinterpritaw dak kollu li jaraw u mhux sempliċi ġirja lura biex imorru minn fejn kienu bdew.

“Strays” hu kklassifikat 15 minħabba użu ta’ droga, ċajt doppju sens, referenzi għas-sess u lingwaġġ ħażin.

Sport