Wednesday, April 24, 2024

L-inugwaljanza… wieħed mill-akbar effetti tal-pandemija

Aqra wkoll

Quddiem il-mod kif qed tiżviluppa is-sitwazzjoni fil-pandemija, fejn it-tama ta’ ħafna hi li ma ndumux ma noħorġu minnha, allavolja qegħdin naraw pajjiżi jesperjenzaw żieda fil-każi ta’ infezzjonijiet ġodda u żieda fil-każi ta’ imwiet.

Ħafna drabi il-pandemija qed nassoċjaw ma’ infezzjonijiet ġodda jew ma’ mwiet. Oħrajn jassoċjawha ma’ nuqqas ta’ libertajiet jew restrizzjonijiet. Oħrajn il-kelma pandemija qed  tfakkarhom fit-tilqim. 

Nemmnu imma li hemm kawża oħra tal-pandemija u din hi l-inugwaljanza. Ma tinħassx f’kull pajjiż l-istess. Hemm pajjiżi fejn l-inugwaljanza fissret aktar nies li ftaqru. Oħrajn li spiċċaw bla dar jew bla xogħol. Hemm pajjiżi li għal ħafna nies il-pandemija wasslet għal inugwaljanza fl-aċċess għad-dħul u opportunitajiet.  F’xi pajjiżi il-pandemija wasslet ukoll inugwaljanza fejn jidħlu is-servizzi tas-saħħa fejn f’pajjiżi foqra ħafna nies spiċċaw ma setgħux jingħataw kura. 

Kellna persuni madwar id-dinja li mietu għax ma ħadux it-tilqima fil-ħin. Oħrajn mietu b’mard li seta’ jiġi kkurat imma dik il-kura ma setgħetx tingħata għax l-isptarijiet ta’ pajjiżhom kienu mimlijin b’persuni li kienu qed jiġu trattati għall-Covid19. F’pajjiżi fqar rajna kif kien hemm persuni li mietu għax ma spiċċaw ma kellhomx flus biex jixtru l-ikel. Rajna kif f’ħafna pajjiżi, is-sistema ta’ protezzjoni soċjali fil-pandemija ma setgħux jibqgħu ikunu ta’ wens għan-nies. 

Din hi r-reatà ta’ ħafna popli madwar id-dinja b’mod partikolari dawk fqar. U waqt li hemm din ir-realtà, dak l-aktar sinjuri fid-dinja baqgħu jsiru aktar sinjuri. Dawk f’pożizzjoni għoljin baqgħu idaħħlu flejjes kbar minn profitti li kienu qegħdin jagħmlu. 

Fi stħarriġ li sar minn Oxfam, intwera proprju dan. L-istħarriġ wera kif l-aktar għaxar persuni sinjuri fid-dinja raw il-ġid tagħhom jirdoppja fil-pandemija, waqt li 99 fil-mija tan-nies saru aktar fqar. 

F’pajjiżna ukoll għandna min spiċċa ibati fis-skiet. Tbatija li ma toħroġx ‘il barra mill-ħitan ta’ djarhom. Ħaddiema li qed jispiċċaw jitħallsu inqas minn kemm kienu qabel il-pandemija. L-iskużi għal dan huma diversi – jgħidulhom għax għamlu kważi sentejn bin-negozju affettwat. Ħaddiema li qed ikun mistenni minnhom li jaħdmu aktar b’inqas ħlas, għax jgħidulhom li hekk jitlob il-mument. 

Għandna min spiċċa litteralment maqful f’daru minħabba kundizzjonijiet li jbati minnhom bil-konsegwenzi finanzjarji li dan ġab miegħu.  

Dawn huma nies li nsibuhom fis-soċjetà tagħna u l-karba tagħhom ftit li xejn toħroġ barra. Huma nies li jridu jiffaċċjaw sfidi oħra li ġabet magħhom l-pandemija. Huma nies li meta tiltaqa’ magħhom jgħidulek “kif xbajt”. “Meta se nerġgħu lura għan-normal?”. “Il-mara waqqfuha mix-xogħol kienu u għadna minn dak iż-żmien ngħixu bil-paga tiegħi biss”. “Is-sahra li kelli qabel il-pandemija sparixxiet”. “Qed naqla’ inqas minn qabel il-pandemija, u naħdem aktar”.

Dawn huma karbiet li qed jaffettwaw sezzjonijiet partikolari fis-soċjetà tagħna. Karbiet li nemmnu li wieħed irid jismagħhom u jara kif jitrattahom. Karbiet li faċilment jistgħu jwasslu għad-dipressjoni fost dawk li qegħdin ibatu minnhom.

Sport