Wednesday, July 24, 2024

L-investiment għaddej b’saħħtu

- il-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara fil-Borża ta’ Malta

Aqra wkoll

“L-investiment għaddej b’saħħtu. Il-ħaddiema tal-Borża ta’ Malta wkoll huma xhieda ta’ dan”. Dan iddikjarah il-Prim Ministru Robert Abela wara li għamel żjara fil-Borża ta’ Malta, li fiha kien akkumpanjat mill-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana.

Fid-dawl li rapporti ta’ esperti internazzjonali fosthom tal-Fond Monetarju Internazzjonali tkellmu dwar irkupru impressjonanti u kif il-ġid nazzjonali ras għal ras mistenni jiżboq dak taż-Żona Ewro, il-Prim Ministru qal li pajjiżna jrid ikompli jiġbed lejh investiment ta’ kwalità mibni fuq il-prijoritajiet li għandu l-pajjiż bħal dawk ambjentali. 

Il-Prim Ministru sostna li dawn ir-riżultati jkomplu jixhdu kemm id-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern matul l-aħħar xhur kienu kruċjali u f’waqthom biex il-kumpaniji u n-negozji jibqgħu b’saħħithom u biex f’pajjiżna tinżamm l-istabbiltà ekonomika.

Waqt iż-żjara sar magħruf li fl-aħħar tliet snin biss, ‘il fuq minn 20 kumpanija ġdida ġew ammessi fuq il-listi tal-Borża ta’ Malta. Dan fi żmien li bħall-kumplament tad-dinja, pajjiżna kien affaċċjat minn sfidi li ħallew impatti fuq l-ekonomiji internazzjonali. 

Ta’ min jgħid li fl-aħħar snin, il-kumpaniji ikkwotati ma’ din l-istituzzjoni u l-istrumenti finanzjarji differenti li jistgħu jiġu nnegozjati fis-swieq tagħha kibru bi kważi d-doppju.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li xhieda oħra ta’ kif l-attività ekonomika f’pajjiżna kompliet issir waħda iktar b’saħħitha hu l-fatt li llum fl-attività tal-Borża ta’ Malta hemm iktar minn 110 kumpaniji differenti ikkwotati u madwar 300 strument finanzjarju differenti fis-swieq tagħha.

Waqt din iż-żjara l-Prim Ministru enfasizza kif il-Borża ta’ Malta għandha tkun xprun biex l-investiment f’pajjiżna jkompli jitkattar u joħloq il-ġid biex imbagħad dak l-istess ġid jissarraf f’aktar għajnuna lin-nies.  

Dr Abela sostna kif il-qasam tas-servizzi finanzjarji huwa katalista fl-investimenti marbuta mal-qalba l-ħadra u dik diġitali li qed iseħħ biex tibqa’ tiġi offruta kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji. Huwa żied jgħid li l-qafas regolatorju li għandu pajjiżna f’oqsma differenti fosthom fl-iGaming u l-ekonomija miftuħa Maltija għall-kummerċ ilkoll jagħtu rwol kruċjali lill-Borża ta’ Malta. 

Ekonomija

Sport