Clearflowplus p.l.c. twaqqfet fl-2023 biex tiffinanzja investiment fis-settur tal-ilma u tad-drenaġġ f’Malta permezz tal-ewwel Green Bonds. Tliet snin wara, il-kumpanija qed tkompli tirreġistra riżultati finanzjarji pożittivi u twettaq l-impenn tagħha li tappoġġja investimenti f’dan is-settur permezz tal-fondi miġbura minn dawn il-Bonds.
Fl-ewwel sitt xhur tal-2026, Clearflowplus irreġistrat profitt ta’ €363,000, filwaqt li d-dħul tal-kumpanija żdied għal €1.78 miljun. Dawn ir-riżultati juru kif investimenti sostenibbli qed iwasslu għal proġetti konkreti u riżultati tanġibbli fl-infrastruttura tal-ilma f’Malta.
Matul l-aħħar sena, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma lestiet tmien proġetti infrastrutturali ewlenin madwar Malta u Għawdex, iffinanzjati permezz tal-Green Bonds. Dawn il-proġetti wasslu għal titjib u modernizzazzjoni fin-netwerk tad-distribuzzjoni tal-ilma, filwaqt li għenu biex is-sistema ssir aktar effiċjenti u jitnaqqas it-telf tal-ilma.
Dan ix-xogħol huwa parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura tal-ilma ta’ Malta u jiżgura provvista tal-ilma aktar affidabbli u sostenibbli għas-snin li ġejjin.
Il-ħruġ tal-Green Bonds, li jammontaw għal €25 miljun, issa waslu biex kważi €17.8 miljun, ekwivalenti għal 71% tal-ammont totali, ġew allokati għall-finanzjament ta’ dawn il-proġetti. Il-kumpanija qed tkompli tonora wkoll l-obbligi tagħha lejn id-detenturi ta’ dawn il-Bonds, u fil-25 ta’ Awwissu 2026 għamlet ħlas ta’ mgħax ta’ ftit aktar minn €1 miljun.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli qalet li l-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jappoġġja investiment sostenibbli fis-settur tal-ilma, sabiex l-infrastruttura ta’ Malta tkompli tlaħħaq mal-ħtiġijiet tar-residenti u tan-negozji, filwaqt li tkompli tipproteġi l-ambjent.
Karl Cilia, Chairman ta’ Clearflowplus qal, “Dawn ir-riżultati juru li l-investiment ekoloġiku fl-infrastruttura tal-ilma ta’ Malta qed iwassal għal progress konkret u li jista’ jitkejjel. Aħna nibqgħu impenjati li nużaw il-Green Bonds b’mod responsabbli u li nipprovdu lill-pubbliku informazzjoni ċara dwar kif qed jintużaw dawn il-fondi.”
Għall-ewwel darba f’Malta, il-pubbliku issa jista’ jsegwi l-progress ta’ dawn il-proġetti permezz ta’ tracker online, imniedi minn Clearflowplus. It-tracker juri l-istatus aġġornat ta’ kull proġett iffinanzjat permezz tal-Green Bonds, u jagħti lir-residenti aċċess dirett għall-informazzjoni dwar kif qed jintużaw l-investimenti u kif qed javvanzaw ix-xogħlijiet fuq il-post. It-tracker huwa disponibbli fuq www.clearflowplus.com/bi.


