Hekk kif qed noqorbu lejn il-ġranet sbieħ tal-Milied u tmiem din is-sena u l-bidu ta’ sena ġdida, ħafna minna fiż-żminijiet bħal dawn, bir-raġun nistennew li l-partiġġjaniżmu politiku jnaqqas ir-ritmu tiegħu bil-fatti. Dan jgħodd l-iktar għall-Partit Nazzjonalista li ta’ sikwit jara t-tibna f’għajn ħaddieħor iżda ma jarax it-travu f’għajnejh stess.
Hemm bżonn, għall-ġid tal-pajjiż li l-PN jimmatura xi ftit u ma jibqax jgħid le għal kollox u jibqa kontra dak kollu li jagħmel il-Gvern Laburista. Jekk irid ikun kredibbli, u veru jkun jixraqlu jmexxi lil dan il-pajjiż, il-PN jeħtieġlu li jwarrab l-attitudni goffa, konfrontali u aggressiva kemm f’diskorsu u anki f’għemilu.
Jekk irid jibda jitwemmen għandu jibni l-kritika tiegħu fuq dak li hu kostruttiv, li joffri soluzzjonijiet għall-isfidi ta’ pajjiżna, li jgħid fejn u kif jagħmel aħjar minn dak li qed jagħmel il-Gvern ta’ bħalissa.
Argument wieħed biss minn dawn, li ilu jagħmel plejtu fuqu l-PN, huwa l-isfidi li għandu pajjiżna biż-żieda fil-popolazzjoni kkawżata mill-ħaddiema barranin li jiġu fostna biex jaħdmu. Huwa kollu minnu li t-tkabbir tal-popolazzjoni hi xi ħaġa li l-Maltin iħossu ċertu tħassib dwarha. Imma mill-banda l-oħra qajla naħsbu li jekk ma jkunux dawn il-ħaddiema barranin ċertu xogħlijiet u servizzi li pajjiżna għandu bżonn f’diversi setturi, ma jsirux. Għalhekk, il-PN għandu jieqaf milli jkompli jgħid li l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna huwa mibni fuq iż-żieda fil-popolazzjoni.
Irridu nammettu li pajjiżna llum m’għadux jipproduċi ulied daqs kemm kien snin ilu, apparti li n-nies qed jgħixu ħajja itwal grazzi għal-livell tajjeb ta’ għajxien f’pajjiżna. Dan il-fatt minnu nnifsu, jekk ikun mitluq waħdu, mhux biss ipoġġi s-sostenn soċjali f’periklu imma wkoll jostakola t-tkabbir ekonomiku kollu kemm hu.
Għalhekk, u huwa hawn fejn toħroġ il-mistoqsija dawr jekk pajjiżna jistax jgħaddi mingħajr ħaddiema barranin. U propju dawn il-ħaddiema jiġu għax f’pajjiżna hawn l-opportunitajiet ta’ xogħol li s-suq qed jiddomanda. Għalhekk ukoll nistaqsu jekk pajjiżna għandux jissagrifika t-tkabbir ekonomiku biex sempliċiment ma jħallix il-popolazzjoi tikber.
F’dan il-kuntest, il-PN, filwaqt li joħroġ b’kull asserzjoni biex jidher li qed jikkrtika lill-gvern, fl-istess ħin iżda jibqa fommu sieket u ma jgħidx li kieku kien hu li qed imexxi l-pajjiż x’kien jagħmel biex jilqa għall-isfidi li qed jiffaċċja s-suq tax-xogħol. Ma jgħidx lanqas liema ta’ kategoriji ta’ ħaddiema barranin irid inaqqas minn pajjiżna.
Huwa faċli li wieħed, minn fuq il-kumdita tal-pultruna f’daru, joqgħod jikkritika biss iż-żieda fil-popolazzjoni u mbagħad ma joffri ebda soluzzjoni jew alternattiva.
Ħadd ma jista jiċħad li ż-żieda fil-popolazzjoni hija sfida kumplessa. Imma jkollna nammettu li l-gvern Laburista ħa passi u qed ikomplu jieħu miżuri biex ikun regolat l-influss f’pajjiżna ta’ ħaddiema barranin, kemm dawk Ewropej u kemm minn pajjiżi terzi, biex jiġu biss dawk li huma kkwalifikati u hemm bżonnhom.
Irridu nżommu quddiem għajnejna li s-suq tax-xogħol inbidel u b’ritmu mgħaġġel u dan jirrifletti kif żviluppat l-ekonomija matul is-snin.