Wednesday, February 5, 2025

L-isfidi u l-opportunitajiet tal-AI fost it-temi diskussi fil-Jum Internazzjonali tal-Protezzjoni tad-Data

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza konferenza annwali organizzata mid-Direttorat għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data fi ħdan il-Ministeru, fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data.

L-għan tal-konferenza kien li tingħata ħarsa lejn l-iżviluppi li saru matul l-aħħar sena fil-qasam tal-protezzjoni tad-data b’enfasi fuq ir-riforma li ġabet fis-seħħ il-GDPR u kif l-Unjoni Ewropea permezz ta’ dan ir-regolament ħolqot standards ġodda f’dan il-qasam.

Il-Ministru Attard tkellem dwar kif l-irwol tal-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data qed jevolvi permezz ta’ żviluppi teknoloġiċi u legali, u għaldaqstant qed jiżdied fl-importanza tiegħu.

“F’dan il-kuntest nixtieq nenfasizza dwar l-importanza tal-edukazzjoni u l-għarfien fejn quddiem settur li qed jevolvi, iċ-ċittadini għandhom jifhmu d-drittijiet tagħhom taħt il-GDPR u jingħataw is-setgħa li jeżerċitawhom,” sostna l-Ministru Attard filwaqt li tenna dwar l-importanza li jinġibed ħabel wieħed biex l-isfidi ppreżentati mill-AI jinbidlu f’opportunitajiet.

Fl-indirizz tiegħu, il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Ian Deguara spjega dwar il-ħidma tiegħu biex jindirizza l-ilmenti dwar proċessar ta’ data u ta rendikont ta’ xi deċiżjonijiet importanti li ttieħdu f’dan ir-rigward. Huwa semma kif f’kull deċiżjoni, in-nuqqasijiet dejjem juru li kontrolluri għandhom jaħdmu b’sens ta’ ġustizzja u tassew iħaddnu l-prinċipju ta’ protezzjoni fil-konfront tad-data personali li jipproċessaw.

Indirizzaw din il-konferenza wkoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni s-Sur Johan Galea, l-uffiċjal mill-Kummissjoni Ewropea Dr David Ciliberti, is-Sa Davida Flores u s-Sa Samantha Muscat mid-Direttorat għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data fi ħdan il-Ministeru u Dr Marco Fagnano mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport