Illum jissokta l-Malta Premier hekk kif tintlagħab ir-raba’ ġurnata li fiha se jkunu mpenjati Floriana u Valletta minħabba li nhar it-Tnejn, 7 ta’ Settembru, se jaffrontaw lil xulxin fil-finali tas-Super Cup … Floriana bħala champions u Valletta bħala holders tal-FA Trophy.
Il-partiti tal-lum ilaqqgħu lil Hibernians ma’ Valletta u Floriana ma’ Gzira United.
Bla dubju, l-aktar partita attraenti hija dik bejn il- Pawlisti u l-Beltin … żewġ timijiet meqjusa ġganti fil- football Malti.
Iż-żewġ timijiet ġejjin minn riżultati diversi hekk kif filwaqt li Hibernians temmew fi draw ta’ 1-1 kontra Zabbar St Patrick, Valletta sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun meta kellhom ibaxxu rashom quddiem Marsaxlokk b’dawn tal-aħħar jirbħu bl-iskor ta’ 2-1.
Flimkien ma’ Floriana u Marsaxlokk, Hibernians għadhom mingħajr telfa iżda llum iridu jkunu fl-aqwa forma hekk kif Valletta se jagħmlu minn kollox biex jirritornaw għar-rebħ u għaldaqstant mhux se jċedu pulzier konxji mill-fatt li b’żewġ telfiet infila jistgħu jibdew jinqatgħu mill-kuntatt ma’ ta’ fuq.
Floriana v Gzira U. – Minkejja li Floriana jibdew bħala favoriti biex jiksbu t-tliet punti, iridu juru rispett massimu lejn l-avversarji.
Il-fatt li Gżirjani jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika mingħajr l-ebda punt, dawn jimmiraw li jiksbu l-ewwel punti biex imbagħad ikomplu jibnu fuqhom.
Min-naħa ta’ Floriana, mistenni li jiddebutta l-attakkant Niġerjan, Stephen Odey, li jidher li huwa player staordinarju bil-veloċitá tiegħu.




