Il-Banda Sant’Elena tiċċelebra l-10 safra internazzjonali tagħha f’Sardinja

Aqra wkoll

Il-Banda Sant’Elena ta’ Birkirkara se tkun qed timmarka l-10 safra internazzjonali tagħha f’Settembru  bi żjara f’Quartu Sant’Elena, f’Sardinja, fejn se tingħaqad mal-komunità lokali fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ Sant’Elena, il-patruna taż-żewġ komunitajiet.

Bejn l-10 u l-15 ta’ Settembru, aktar minn 180 persuna minn Malta, fosthom mużiċisti, membri tal-Għaqda, familji u sostenituri tal-Banda, se jivvjaġġaw lejn Sardinja għal dik li mistennija tkun ċelebrazzjoni memorabbli ta’ fidi, mużika u tradizzjoni.

Matul iż-żjara tagħha, il-Banda Sant’Elena se tagħti erba’ servizzi mużikali, bi programm varjat ta’ mużika vokali u strumentali, flimkien mal-marċi tradizzjonali ferrieħa li se jagħtu ħajja lit-toroq ta’ Quartu Sant’Elena matul il-festi.

Partikolarment sinifikanti se tkun iċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa bil-Malti bis-sehem tal-istess Banda Sant’Elena, organizzata apposta għall-kontinġent Malti. Din se tkun okkażjoni ta’ talb u għaqda, filwaqt li tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet ta’ ħbiberija bejn iż-żewġ komunitajiet.

Il-qofol tal-parteċipazzjoni tal-Banda se jkun bla dubju s-servizz mużikali waqt il-purċissjoni solenni bl-istatwa ta’ Sant’Elena. Dan se jkun mument prestiġjuż li fih it-tradizzjonijiet reliġjużi u mużikali taż-żewġ komunitajiet se jingħaqdu f’ċelebrazzjoni waħda ddedikata lill-patruna komuni tagħhom.

Din iż-żjara tifforma parti mill-impenn tal-Banda Sant’Elena biex tkompli xxerred il-wirt mużikali Malti, it-tradizzjonijiet tal-festa u l-identità kulturali Maltija lil hinn minn xtut pajjiżna.

Dan l-10 safra se jkun għalhekk ferm aktar minn vjaġġ mużikali: se jkun espressjoni ta’ fidi, ħbiberija u rabta kulturali bejn Malta u Sardinja, magħqudin flimkien mid-devozzjoni lejn Sant’Elena.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport