Friday, May 3, 2024

L-iskart mormi wkoll juri li n-nies qed ikomplu joħorġu

Aqra wkoll

Miktub Minn Melvin Farrugia

Minkejja l-appelli li saru mill-awtoritajiet tas-saħħa, biex in-nies ma joħorġux jekk mhux għax vera jkollhom bżonn, huma ħafna dawk li qed jinjoraw dawn l-istruzzjonijiet u jippersistu li jagħmlu dak li jridu. Bil-konsegwenza ta’ dan, qed jipperikolaw lilhom infushom, lill-għeżież tagħhom u lil kulħadd. 

Anke mill-iskart li qed jintrema fil-kontenituri taż-żibel f’ċerti nħawi ta’ Malta qed jidher ċar li n-nies qed joħorġu, u żġur mhux biex jagħmlu l-eżerċizzju. 

Apparti l-fatt li qed jarmu bl-addoċċ, u jkomplu bl-attitudni ta’ injoranza li jarmu anke mal-art, dawn ukoll qed imorru kontra dak li qed ikun suġġerit mill-awtoritajiet, biex joħorġu biss jekk iridu jmorru jixtru l-ikel, biex imorru għax-xogħol jekk ma jistgħux jagħmlu mod ieħor u biex jattendu xi appuntamenti tas-saħħa. 

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne llum stess reġa’ tenna li jekk mhux kulħadd se jkun dixxiplinat u jevita l-ħruġ għalxejn, se nispiċċaw fi stat fejn is-sodod li hemm fl-ITU biex jittrattaw il-COVID-19 ma jkunux biżżejjed. 

Għalhekk ikun tajjeb li n-nies jevitaw il-ħruġ u anke biex jagħmlu l-eżerċizzju jaraw li jagħmluh x’imkien f’darhom stess.

Sport