Saturday, May 4, 2024

Żieda kbira fit-turiżmu qabel ix-xahar li feġġ il-virus

Aqra wkoll

Fi Frar li għadda ġew Malta 20,623 turist aktar minn Frar tas-sena li għaddiet biex iż-żieda reġistrata fuq din il-medda ta’ sena kienet ta’ 16.5%.

Dan jirriżulta minn ċifri miġburin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għal Frar li għadda li kien l-aħħar xahar qabel ma’ f’pajjiżna feġġ l-ewwel każ ta’ coronavirus.

Bl-ajruport magħluq u bit-turiżmu wieqaf għal kollox wara li feġġ l-ewwel każ ta’ coronavirus f’Marzu l-istatistika ta’ Frar se tkun l-aħħar waħda fejn instab li l-pajjiż ra tkabbir sostanzjali fit-turiżmu.

Iċ-ċifri juru li mill-145,821 li żaru Malta fi Frar 124,198 kienu fuq vaganza waqt li 15,074 fuq negozju bir-Renju Unit u l-Italja jibqgħu l-ikbar swieq hekk kif 33.9% ġew minn hemm.

L-iljieli li qattgħu fostna t-turisti żdiedu b’10.1% b’dawk li għażlu li joqgħodu f’post ta’ akkomodozzjoni kollettiva laħħqu l-61.1%. Bejniethom huma nefqu €86.8 miljun li kien ifisser żieda ta’ 22% fuq Frar 2019.

L-NSO sab ukoll li fl-ewwel xahrejn tas-sena t-turisti li ġew Malta kienu jammontaw għal 295,059, żieda ta’ 16.7% fuq l-istess perjodu tal-2019.

L-iljieli li qattgħu żdiedu b’6.5% biex laħqu l-1.8 miljun waqt li n-nefqa totali kienet ta’ €181 miljun, 16.1% fuq il-perjodu Jannar-Frar 2019 li kien ifisser medja ta’ €613 kull turist, tnaqqis ta’ 0.5% fuq l-istess xahrejn ta’ sena ilu.

Sport