Sunday, December 22, 2024

L-iskema Rent Subsidy tal-Malta Enterprise imġedda u imtejba 

Christine Mallia Spiteri
Christine Mallia Spiteri
Rapreżentanta Malta Enterprise

Aqra wkoll

Il-Malta Enterprise qiegħda twessa’ u ttejjeb l-iskema ta’ Sussidju tal-Kera (Rent Subsidy) fejn issa l-ammont massimu eliġibbli għal kull applikant se jitla’ minn €25,000 għal massimu ta’ €50,000. 

Din l-iskema għandha l-għan li tappoġġja impriżi, b’inqas minn 250 impjegat li huma involuti f’attivitajiet ta’ manifattura li jeħtieġu spazju industrijali bħala soluzzjoni temporanja jew permanenti. Il-perjodu ta’ għajnuna żdied ukoll minn tliet snin għal sitt snin. 

Matul dawn l-aħħar sentejn, 27 kumpanija diġà ġew appoġġjati taħt din l-iskema bl-ammont globali mogħti f’għajnuna jaqbeż is- €600,000.

Dan tħabbar mill-Ministru tal-Intrapriżi Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprises Kurt Farrugia waqt żjara f’Ta’ Mananni, fl-Imqabba, akkumpanjati minn sid din il-kumpanija Christian Cassar. Din l-intrapriża tipproduċi u tbigħ ikel tradizzjonali lokali.  

Christian Cassar, sid ta’ Mananni, qal li l-iskema għenet lin-negozju żgħir tiegħu jilqa’ l-isfidi maħluqa mill-pandemija u tibdil internazzjonali kurrenti. Cassar żied jgħid li appoġġ bħal dan se jippermetti lill-kumpaniji jinvestu aktar fl-impjegati tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li: “L-estensjoni u t-titjib ta’ din l-iskema huwa eżempju tar-rieda tal-Malta Enterprise li niflu sewwa r-rispons li ningħataw mill-kumpaniji stess biex l-iskemi jkunu dejjem iktar effettivi fl-għajnuna li jagħtu.”

L-iskema tapplika għal kumpaniji involuti fil-manifattura, manutenzjoni, attivitajiet tas-snajja, attivitajiet industrijali tal-ippakkjar, tiswija tal-karozzi, tiswija ta’ tagħmir mekkaniku u attivitajiet industrijali oħra. 

L-ammont totali ta’ għajnuna li jista’ jingħata lil kumpanija waħda fuq perjodu ta’ 12-il huwa ta’ €50,000. Is-sussidju jingħata għal tliet snin konsekuttivi, għalhekk is-sussidju massimu għal kull kumpanija huwa ta’ €150,000 fuq medda ta’ tliet snin. Din l-għajnuna tista’ tkun f’forma ta’ għotja fi flus jew inkella kreditu ta’ taxxa.

Ekonomija

Sport