Thursday, April 18, 2024

Imut it-tabib li kixef il-ħabi dwar is-Sars fiċ-Ċina

Aqra wkoll

Jiang Yanyong, eks kirurgu militari li faqqa’ l-bomba fuq il-ħabi mill-awtoritajiet Ċiniżi tal-epidemija tas-Sars tal-2003, miet fl-età ta’ 91 sena. Huwa miet bil-pnewmonja nhar is-Sibt f’Beijing. Il-mewt tiegħu tħabbret minn ħbieb tal-familja u l-midja bil-lingwa Ċiniża f’Hong Kong.

Dr Jiang kien imfaħħar talli salva diversi ħajjiet wara li kiteb ittra fl-istadju bikri tal-kriżi tas-Sars li żvelat li l-awtoritajiet kienu qed iċekknu l-gravità tat-theddida tal-marda. Wara li żvela dan, huwa kien spiċċa arrestat f’daru stess.

Il-virus tas-Sars kien infetta aktar minn 8,000 ruħ madwar id-dinja fl-2003. Minn dawn, 774 mietu, skont iċ-ċifri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Ir-rivelazzjonijiet tiegħu ġiegħlu lill-gvern Ċiniż jammetti li kien ipprovda informazzjoni falza, u xprunaw ukoll lill-WHO biex tieħu azzjoni. L-azzjonijiet ta’ Dr.Yanyong wasslu wkoll għat-tkeċċija tal-Ministru tas-Saħħa taċ-Ċina u s-Sindku ta’ Beijing ta’ dak iż-żmien.

Matul ħajtu huwa rċieva diversi unuri ċivili li jirrikonoxxu l-azzjoinijiet pubbliċi tiegħu, inkluż il-Premju Ramon Magsaysay għas-Servizz Pubbliku fl-2004.

Huwa kien imfisser bħala l-persuna li kisser il-vizzju tas-silenzju taċ-Ċina u ġiegħel li tinħareġ fil-beraħ il-verità kollha dwar is-Sars.

Ekonomija

Sport