L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia indirizza s-sessjoni dwar il-vjolenza kontra l-politiċi waqt il-Konferenza Ewropea tal-Presidenti tal-Parlamenti, li saret fi Strasburgu. Din il-konferenza laqqgħet il-Presidenti tal-Parlamenti mis-46 stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa.
Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker Farrugia saħaq fuq l-importanza tad-dibattitu f’demokrazija fejn innota kif dan dejjem aktar qed jiġi mhedded permezz ta’ intimidazzjoni, vjolenza u theddid. Huwa espanda fuq il-kunċett li l-vjolenza testendi lil hinn mill-attakki fiżiċi hekk kif tinkludi wkoll mibegħda online, misinformazzjoni, l-assassinju tal-karattru u t-tgħawwiġ intenzjonat tal-verità. Enfasizza kif il-politiċi nisa huma partikolarment vulnerabbli għal abbuż psikoloġiku, theddid fuq ħajjithom u intimidazzjoni.
Il-President tal-Kamra qal li l-ġlieda kontra l-vjolenza fil-konfront tal-politiċi u ċ-ċittadini se tkun prijorità matul il-Presidenza Maltija tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa li jmiss. Huwa żied jappella għal protezzjoni aktar b’saħħitha kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li jinħoloq ambjent politiku fejn kull vuċi, speċjalment dik tan-nisa u tal-gruppi emarġinati, tkun tista’ tiġi espressa mingħajr biża’.
“Jekk il-vjolenza titħalla tgħaddi mill-politika, mhux biss dawk fil-kariga jbatu imma kull individwu li jipparteċipa fid-demokrazija,” saħaq l-Ispeaker.
Huwa sejjaħ għal leġiżlazzjoni b’saħħitha kontra dawk li jinstigaw il-vjolenza, kemm online kif ukoll offline, kif ukoll kontabilità għal dawk li jxerrdu diskors ta’ mibegħda. B’żieda ma’ dan, huwa ħeġġeġ għal appoġġ psikoloġiku u terapija għal dawk li jbatu minn vjolenza politika, kif ukoll ġustizzja mgħaġġla kontra theddid u attakki. Appella għal aktar protezzjoni legali għall-politiċi nisa u dawk f’minoranzi, kif ukoll għal programmi ta’ mentorship biex jiġu appoġġjati dawk il-vuċijiet li għadhom mhux rappreżentati biżżejjed fil-politika.
L-Ispeaker Farrugia temm billi qal li l-politiċi jridu jmexxu bl-eżempju billi jikkundannaw il-vjolenza, il-miżinformazzjoni u d-diskorsi ta’ mibegħda.