Saturday, December 21, 2024

L-Ispeaker mitlub jinvestiga jekk ittiħdux filmati fil-Parlament

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Whip tal-Gvern Glen Bedingfield talab lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti jinvestiga jekk allegatament kinux ittieħdu filmati bil-moħbi mingħajr il-permess ġewwa l-bini tal-Parlament mill-persuna li jakkumpanja lill-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Huwa għamel referenza għal rapport li deher il-Ħadd li għadda fuq ġurnal lokali fejn qed ikun allegat u saret referenza għall-filmati li xxandru waqt il-programm Pjazza fil-jiem ta’ qabel li persuna li kien qed jakkumpanja lill-Kap tal-Oppożizzjoni allegatament kien qed jiffilmja barra l-bini tal-Parlament.

“Jekk kien qiegħed jiffilmja, baqa’ dieħel mal-Kap tal-Oppożizzjoni u allura kien għadu qed jiffilmja. Nitolbok tinvestiga dan għax jekk kienu qed jittieħdu filmati ġol-bini tal-Parlament dan kienu qegħdin jittieħdu mhux bil-permess,” qal Bedingfield.

Tenna li jekk kienu qed jittieħdu bil-moħbi barra l-Parlament jista’ jkun li kienu qed jittieħdu bil-moħbi wkoll ġewwa l-Parlament u dan allura bi ksur tal-provvedimenti tal-iStanding orders ta’ din il-Kamra.

Huwa talab ukoll lill-Ispeaker jinvestiga dwar il-proċeduri tas-sigurtà. “Naf li lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppozzjoni jakkumpanjawhom l-istaff tagħhom. F’dan il-Parlament kull min jidħol suppost jgħaddi mis-security screening u għalhekk nitolbok tinvestiga dan il-każ u tieħu l-provvedimenti li jidhirlek li għandek tieħu f’dawn iċ-ċirkostanzi.”

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-PN David Agius talab lill-Ispeaker biex ma jkunx speċifiku fuq dan il-każ imma fuq kull min jidħol fil-Parlament. “Ejjew nagħmlu regolamenti u nobduhom għal kulħadd,” qal Agius. 

Glen Bedingfield wieġbu li huwa talab lill-Ispeaker jieħu l-provvedimenti li jidhirlu xierqa u qal li jifhem li dawk il-provvedimenti jittieħdu fil-konfront ta’ kulħadd “għax aħna ma nagħmlux distinzjoni.”

Il-Whip tal-Gvern żied jirrimarka li huwa kien qed jitkellem dwar minn fejn jidħlu l-persuni u mhux fejn ikunu. “Apparti minn hekk, dwar il-filmati li setgħu allegatament ittieħdu bil-moħbi, il-PN ħarġet stqarrija u wara l-allegazzjonijiet tal-midja mkien ma ċaħad,” tenna Bedingfield.

Ekonomija

Sport