Saturday, April 27, 2024

Il-Victim Support Agency ssaħħaħ is-servizzi tagħha fil-qalba tal-komunità

Aqra wkoll

Jibda’ jopera l-ewwel Victim Support Centre f’Malta b’uffiċċju reġjonali fin-nofsinhar tal-pajjiż. L-uffiċċju fetaħ il-bibien tiegħu wara li f’Novembru li għadda l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ħabbar kif il-Victim Support Agency se tiftaħ uffiċini fil-qalba tal-komunità, inkluż Għawdex, bl-għan li jintlaħqu aktar persuni.

Fi żjara fl-uffiċċju ġewwa Santa Luċija, il-Ministru Camilleri tkellem mal-ħaddiema tal-aġenzija li qed jipprovdu servizz lill-vittmi ta’ xi forma jew oħra ta’ kriminalità. Huwa spjega kif meta twaqqfet l-aġenzija s-sena li għaddiet, mhux biss kienet implimentata b’mod sħiħ miżura oħra tal-manifest, iżda kien sostnut l-impenn tal-gvern favur il-vittmi tal-kriminalità. “Sodisfatt li f’perjodu ta’ ftit ġimgħat, iċ-ċentru ta’ Santa Luċija beda jilqa’ fih nies li għandhom bżonn l-għajnuna u għaldaqstant diġà ngħataw assistenza aktar minn għoxrin persuna differenti. Dan juri biċ-ċar kemm hemm ħtieġa għal dawn is-servizzi,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija s-Sur Brian Farrugia spjega kif permezz ta’ dawn iċ-ċentri, il-Victim Support Agency qed tkompli żżid l-għarfien dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità. Is-Sur Farrugia saħaq kif kull servizz jingħata bla ħlas, filwaqt li professjonisti fi ħdan l-aġenzija joffru assistenza psiko-soċjali kif ukoll gwida legali skond il-każ partikolari. Huwa sostna li l-kunsilli lokali se jkollhom rwol importanti biex jgħinu lill-aġenzija torganizza community outreach programmes sabiex l-aġenzija tkun eqreb tal-komunitajiet.

L-ewwel uffiċċju f’Santa Luċija qiegħed jaqdi l-ħtiġijiet tan-naħa t’isfel tal-pajjiż, filwaqt li bħalissa għaddejjin negozjati sabiex jiġi identifikat sit fin-naħa ta’ fuq u anke f’Għawdex. 

Sport