Monday, April 28, 2025

L-Isqof Awżiljarju jsejjaħ liż-żgħażagħ bħala “mexxejja t’issa”

Aqra wkoll

Fit-tieni Ħadd tal-Għid u l-Ħadd tal-Ħniena Divina, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ċċelebra quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta bis-sehem ta’ parteċipanti minn MED25 – Bel Espoir, proġett mibni fuq is‑sejħa tal-Papa Franġisku sabiex il‑Baħar Mediterran isir post ta’ laqgħa u paċi, joħloq spazju umanitarju u filosofiku għall‑progress tal‑popli fil‑Mediterran u jħeġġeġ liż‑żgħażagħ ikunu strumenti ta’ bidla fis‑soċjetà u fid‑dinja.

Fl-omelija tiegħu Mons. Galea-Curmi rrifletta dwar l-Evanġelju ta’ San Ġwann, meta Kristu Rxoxt jidħol f’kamra msakkra b’dixxipli mbeżżgħa u joffrilhom il-paċi, li jiddeskriviha bħala mera għall-Mediterran tal-lum – reġjun rikk fil-kultura imma mifni bil-ġrieħi tal-gwerra, migrazzjoni u nuqqas ta’ ftehim. Hu sejjaħ liż-żgħażagħ bħala mexxejja t’issa u ħeġġiġhom jibnu pontijiet ta’ paċi, jisimgħu lil xulxin minkejja l-fruntieri u biex jirrakkontaw stejjer ġodda ta’ għaqda, imħabba u tama.

“F’Med25, kull wieħed u waħda minnkom qed iġġibu l-istejjer uniċi tagħkom – stejjer ta’ reżiljenza u xhieda mill-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, l-Eġittu, il-Libanu, il-Palestina, il-Bożnija, ir-Rumanija, is-Sirja, il-Ġeorġja, Franza, Spanja, l-Italja u Malta. Intom paġni ħajjin tal-Evanġelju li għadu qed jinkiteb,” qal l-Isqof Awżiljarju.

Wara l-quddiesa l-parteċipanti ħadu sehem f’workshop interattiv li sar fl-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann immexxi minn Giulia Privitelli fejn setgħu jirriflettu dwar kif il-kreattività tista’ tkun antidotu ta’ tama għall-vjolenza. Filgħodu, qabel il-quddiesa, l-istess parteċipanti kellhom taħdita fil-Konkatidral minn Rev. Dr Nicholas Doublet li esplorat il-wirt rikk reliġjuż u artistiku ta’ Malta matul ir-Riforma Kattolika.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport