L-Istati Uniti wettqet it-tielet lejl konsekuttiv ta’ attakki kontra l-Iran nhar it-Tnejn wara li żewġ tankers ġew attakkati fl-istrett ta’ Hormuz b’Donald Trump jgħid li Washington kienet qed terġa’ ddaħħal l-imblokk tagħha fuq it-tbaħħir Iranjan fil-Golf u kienet se tiżgura li l-istrett strateġiku jibqa’ miftuħ, iżda bi ħlas.
Il-Kmand Ċntrali militari tal-Istati Uniti qal li beda attakki fuq ordni tal-president Trump eżatt wara li ddikjara li l-Iran se jkun attakkat “b’mod sever ħafna matul il-lejl tal-bieraħ u l-għada”. Aktar tard huwa Trump qal li l-Istati Uniti kienet qed tattakka l-kapaċitajiet li l-Iran għandu fl-Istrett ta’ Hormuz.
L-Emirati Għarab Magħquda qalu li missili Iranjani laqtu żewġ tankers taż-żejt tal-Emirati waqt li kienu qed jgħaddu mill-korsija tan-nofsinhar li hija rotta vitali ta’ tranżitu fl-ibħra territorjali tal-Oman. Membru tal-ekwipaġġ inqatel u tmienja oħra ndarbu waqt dan l-attakk.
Bil-memorandum ta’ ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Iran fi stat ta’ taħwid u tifrik wara li l-ġlied reġa’ beda bejniethom il-ġimgħa li għaddiet, Trump sostna li l-istrett kien miftuħ u se jibqa’ miftuħ “bl-Iran jew mingħajru”.
Il-president Trump ħabbar ukoll li l-Istati Uniti se jitħallsu tariffi fuq vapuri li jgħaddu minn dan il-passaġġ kruċjali tal-ilma, u sostna li se tiġi imposta tariffa ta’ 20% għal kwalunkwe u kull spiża meħtieġa biex tipprovdi sigurtà u sikurezza għall-bastimenti.
Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp l-ogħla kmand militari konġunt tal-Iran qal li l-Istati Uniti ma kellha l-ebda rwol jew dritt fit-tfassil futur tal-Istrett ta’ Hormuz u mhux se titħalla tintervjeni. Il-ministru tal-affarijiet barranin Iranjan Abbas Araqchi qal li Tehran se tkun il-”gwardjan dejjiemi tal-istrett.”
Il-midja Iranjana rrappurtat ukioll splużjonijiet fil-belt portwali ta’ Bandar Abbas, fil-gżejjer Iranjani ta’ Kish u Qeshm u fil-gżira ta’ Abu Musa fil-Golf, ftit wara li l-militar Amerikan ħabbar attakki ġodda fuq l-Iran.
Il-prezzijiet taż-żejt telgħu b’2% għall-ogħla livell tagħhom f’erba’ ġimgħat fost inċertezza akbar dwar il-flussi tal-enerġija mill-istrett ta’ Hormuz. Il-prezz taż-żejt mhux raffinat Brent telgħu b’2% għal $85 kull barmil nhar it-Tlieta, filwaqt li ż-żejt mhux raffinat West Texas Intermediate tal-Istati Uniti żdied b’2.1% għal $79.79. Iż-żejt mhux raffinat Brent żdied b’9.6% fis-sessjoni ta’ qabel – l-akbar żieda ta’ kuljum tiegħu minn Mejju 2020.
L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) qalet li l-passaġġ mill-istrett ta’ Hormuz “għandu jibqa’ ħieles minn kwalunkwe taxxa u ħlas, skont il-liġi internazzjonali”.




