“Insawru soċjetà li fiha d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza jkunu dejjem imħarsa”

il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Wasal iż-żmien li nwaqqfu din l-entità ġdida sabiex nindirizzaw sitwazzjonijiet fejn ikollok ksur tad-drittijiet tal-bniedem imma anke ċertu diskriminazzjoni. Din se tgħinna biex bħala poplu nsawru soċjetà li fiha d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza jkunu dejjem imħarsa.”
Stqarret dan il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar fil-Parlament meta kien qed jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi biex titwaqqaf għall-ewwel darba Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.

Il-Ministru Cutajar bdiet billi enfasizzat fuq l-importanza ta’ dan l-abbozz u qalet li dan se jħalli impatt fil-mod ta’ kif ngħixu u nirrelataw ma’ xulxin. Tenniet li dan se jwassal biex għall-ewwel darba fl-istorja, Malta se jkollha din l-istituzzjoni indipendenti għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.

“Flimkien irridu nsawru din il-kultura ta’ ġustizzja fl-ispazji kollha tas-soċjetà,” qalet il-Ministru Cutajar.

Waqt li rrikonoxxiet il-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE), hija saħqet li ż-żminijiet u l-eżiġenzi jinbidlu u l-isfidi tas-soċjetà jevolvu. U għalhekk qalet li beda jinħass il-bżonn li jkollna dan il-qafas istituzzjonali li jkun aktar modern, robust u effettiv.

“Istituzzjoni indipendenti u imparzjali li se tkun mgħammra b’għodod b’saħħithom”

“Dan l-Att se jwaqqaf din il-Kummissjoni ġdida li se jkollha mandat doppju. Se taħdem sabiex kulħadd ikun ħieles mid-diskriminazzjoni u mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

“Għall-ewwel dabra fl-istorja, din il-Kummissjoni se taħdem kemm bħala istituzzjoni nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u b’konformità sħiħa mal-Prinċipji ta’ Pariġi tal-Ġnus Magħquda u bħala korp għall-ugwaljanza tal-ogħla livell b’konformità anke mad-Direttivi tal-Unjoni Ewropea fejn jidħlu standards għal Korpi tal-Ugwaljanza.

“Pajjiżna se jkollu l-unur jgħid li għandu din l-istituzzjoni indipendenti u imparzjali li se tkun mgħammra b’għodod b’saħħithom li jkunu verament jistgħu jiddefendu, jipproteġu liċ-ċitadini u jħarsu d-dinjità ta’ kulħadd,” kompliet tgħid il-Ministru Cutajar.

Hija spjegat li b’dan l-abbozz se jwessgħu b’mod sinifikanti t-tifsira tad-diskriminazzjoni kif imfissra taħt il-Kapitlu 456 sabiex jaqbdu fiha l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni.

Dan filwaqt li qalet li “l-liġi se tipproteġina fejn ikun hemm sitwazzjoni ta’ mġiba li mhijiex mixtieqa. Il-liġi se tagħmilha ċara wkoll illi d-dinjità tal-persuna għandha tkun imħarsa f’kull ċirkostanza.”

“Mhux biss huwa projbit li persuna tiddiskrimina imma wkoll illi jingħataw struzzjonijiet jew ordnijiet biex issir diskriminazzjoni ma’ xi ħadd ieħor. Fl-istess waqt, qed niżguraw li l-liġi tagħna tibqa’ effettiva anke fil-futur u tkun kapaċi tindirizza realtajiet ġodda,” tenniet il-Ministru Cutajar.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport