Monday, May 13, 2024

L-Istati Uniti takkuża membru tal-mafja Ġappuniż b’assoċjazzjoni biex jiġi traffikat materjal nukleari 

Aqra wkoll

Il-prosekuturi Amerikani akkużaw allegat membru tal-mafja Ġappuniż b’assoċjazzjoni ma’ persuni oħra biex jittraffika materjali nukleari.

Qed ikun allegat li Takeshi Ebisawa, ta’ 60 sena, ipprova jbigħ l-uranju u l-plutonju li huwa kien jemmen li kienu se jiġu trasferiti lejn l-Iran biex tinbena bomba nukleari.

Ebisawa u ko-akkużat Tajlandiż qabel kienu diġa’ affaċċjaw akkużi relatati mal-armi u droga f’April 2022. Huwa jiffaċċja għomor il-ħabs jekk jinstab ħati ta’ dawn l-aħħar akkużi.

L-awtoritajiet Amerikani qalu li Ebisawa – li qed jinżamm f’ħabs ta’ Brooklyn – huwa persuna għolja fis-sindakat ta’ kriminalità organizzata Ġappuniża, magħruf bħala Yakuza, b’operazzjonijiet fis-Sri Lanka, il-Myanmar, it-Tajlandja u l-Istati Uniti.

Id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti qal li Ebisawa u l-“alleati tiegħu wrew kampjuni ta’ materjali nukleari fit-Tajlandja” lil aġent mill-Aġenzija tal-Infurzar tad-Droga tal-Istati Uniti (DEA). L-aġent kien qed jagħmilha ta’ traffikant tad-droga u l-armi b’rabtiet ma’ ġenerali Iranjan.

Il-kampjuni nukleari – li ġew mill-Myanmar – inqabdu mill-awtoritajiet Tajlandiżi u ġew trasferiti lill-investigaturi Amerikani. Laboratorju Amerikan ikkonferma li l-materjal kien fih uranju u plutonju għall-armi.

Il-prosekuturi qed jallegaw ukoll li Ebisawa fittex li jakkwista kwantitajiet kbar ta’ armi ta’ grad militari f’isem grupp ta’ ribelli li ma ġiex identifikat fil-Myanmar.

Sport