Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden ħabbar regolamenti iktar stretti fuq l-ivvjaġġar u dan hekk kif fl-aħħar sigħat dan il-pajjiż irrapporta l-ewwel ftit każijiet tal-varjant Omicron. B’hekk mill-ġimgħa li ġejja, vjaġġaturi internazzjonali li jkunu jridu jidħlu fl-Istati Uniti jkun jeħtiġilhom li jippreżentaw test tal-Covid-19 li ma jkun iktar antik minn ġurnata, u dan ikun xi jkun l-istatus tat-tilqim tagħhom. Apparti hekk, dawk li jkunu fiequ mill-virus ikun jeħtiġilhom li jipprovdu dokument “ta’ prova ta’ fejqan”. Skont il-pjan ippreżentat, l-ilbies tal-maskri fuq l-ajruplani, ferroviji u karozzi tal-linja se jibqa’ mandatorju u fis-seħħ sa nofs Marzu.
B’kollox kien hemm għaxar każi ta’ Omicron li ġew interċettati ġewwa l-Istati Uniti u dawn huma mferrxin f’California, Colorado, Minnesota, New York u Hawaii. L-uffiċjali tal-saħħa rrapportaw li f’dawn il-każijiet il-pazjenti kellhom sintomi pjuttost ħfief. Il-varjant tal-Covid-19 issa ġie rrapportat f’total ta’ 30 pajjiż u s’issa għadu mhux magħruf jekk dan il-varjant – li għandu ħafna mutazzjonijiet – jinfirixx iktar malajr u hux kapaċi jevita iktar il-protezzjoni tat-tilqim.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Istati Uniti qiegħda tħeġġeġ lill-adulti kollha biex jieħdu l-booster tal-vaċċin u dan hekk kif ġewwa dan il-pajjiż – bħal ħafna pajjiżi oħrajn madwar id-dinja – in-numru ta’ każijiet ġodda qegħdin jiżdiedu. Meta kien qiegħed jitkellem quddiem in-National Institutes of Health ġewwa Maryland Biden qal li, “aħna se nkunu qed niġġieldu dan il-varjant bix-xjenza u b’veloċità u mhux b’kaos u konfużjoni.” Huwa reġa’ tenna li dan ma jfissirx iktar lockdowns. Il-President qal li iktar minn 40 miljun Amerikan irċevew il-booster tal-Covid-19, iżda hemm kważi 100 miljun persuna oħra li huma eleġibbli u għadhom ma ħaduhiex. Mijiet ta’ ċentri se jkunu qegħdin jitwaqqfu madwar il-pajjiż kollu biex jintlaħqu kemm jista’ jkun nies u anke jiżdied it-tilqim fost it-tfal u żgħażagħ.