Saturday, December 14, 2024

L-istorja tiegħu qed tagħmel kuraġġ lil żagħżugħ ta’ 13-il sena li tilef parti minn idu f’inċident

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ryan Hili, il-kantant rebbieħ tal-edizzjoni ta’ X Factor ta’ din is-sena, huwa żagħżugħ kif ħafna ddeskrivewh mhux biss bħala wieħed b’talent kbir fil-kant, iżda li permezz tal-umiltà u l-istorja tiegħu qed ikun ta’ kuraġġ għal ħaddieħor.

Dan innutatu wkoll il-Ministru Julia Farrugia Portelli li qalet li l-istorja ta’ Ryan hi storja ħajja u qed ikun ta’ ispirazzjoni għal mijiet ta’ żgħażagħ oħra.

Fost l-oħrajn, hija qalet li l-istorja tiegħu qed tgħin u tagħmel kuraġġ lil żagħżugħ ta’ 13-il sena li dan is-sajf kellu inċident u tilef parti minn idu.

Ryan huwa żagħżugħ ta’ 25 sena li jaħdem bħala għalliem. Waqt l-edizzjoni ta’ X Factor ta’ din is-sena huwa mhux biss saħħar lin-nies bil-vuċi tiegħu iżda fuq kollox wassal messaġġ importanti grazzi għas-sempliċità u d-determinazzjoni tiegħu. 

F’filmat li kien imxandar fi żmien tal-auditions, Ryan qal li sentejn ilu ma daħalx għax ma kienx kunfidenti biżżejjed. Kien osserva l-fatt li għalih l-apparenza taffettwa ħafna u jifhem li f’din ix-xena partikolari l-apparenza jagħtu kasha n-nies. Irrakkonta kif huwa twieled b’idu x-xellugija nieqsa u qal li jaħseb li affetwatu għax ħaseb li n-nies mhux se jieħdu gost jarawha. Ryan spjega li għandu bionic hand li tinfetaħ u tingħalaq, li issa ilha għandu mill-2015, u li għenutu fil-ħajja personali tiegħu biex anke jsaħħaħ il-kunfidenza tiegħu.

Minkejja l-isfidi fil-ħajja tiegħu, fosthom li sfortunatament f’temp ta’ xahar tilef lil missieru, huwa daħal għal din l-isfida u affrontaha b’determinazzjoni… u bosta jaqblu li sa mill-ewwel diska li kanta fl-auditions ta’ James Arthur paxxa lil għadd ta’ persuni bil-vuċi tiegħu u qalu li l-istorja tiegħu tgħallimna li l-abbiltà tirbaħ fuq kull sfida fil-ħajja.

Ekonomija

Sport