Monday, December 23, 2024

L-ISTRATEĠIJA TAS-SETTUR EDUKATTIV

Aqra wkoll

Għada t-Tnejn 5,942 student fil-livell ta’ Kindergarten jibdew is-sena skolastika tagħhom u għalhekk jingħaqdu ma’ 28,757 student u studenta tal-Primarji u Sekondarji tal-Iskejjel tal-Istat mifruxa minn Sena 1 tal-Primarja sas-sena 11 tas-Sekondarja li bdew l-Erbgħa li għadda. B’hekk f’din is-sena skolastika, fl-iskejjel tal-Istat se jkunu bdew sena oħra ta’ tagħlim u edukazzjoni 34,699 student u studenta. It-Tnejn 7,713 edukatur daħlu wkoll fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Statistika li l-Ministeru għall-Edukazzjoni jippubblika kull sena mal-ftuħ tal-iskejjel, biex jagħti mera ta’ dak li jkun għaddej f’dan is-settur tant importanti għal pajjiżna u l-ekonomija tagħna.

Infakkru li s-sena li għaddiet it-transizzjoni mill-vakanzi tas-sajf għad-dħul lura fuq il-bankijiet tal-iskola mxiet ħarir u bil-ħidma li saret minn meta spiċċat is-sena skolastika li għaddiet, li baqgħet għaddejja matul ix-xhur tas-sajf, din is-sena skolastika persważi li se tkun l-istess.

Tajjeb madankollu li mmorru ‘l hinn mill-istatistika ppubblikata. L-Orizzont qed isegwi mill-qrib dak li għaddej bħalissa fil-Ministeru għall-Edukazzjoni fejn tidħol l-edukazzjoni ta’ uliedna u wkoll fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tal-edukaturi.

Inħossu li kien pass għaqli ferm tal-Ministeru li fil-ħidma tiegħu għal Strateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni li se twassal sas-sena 2030, imma li se tkun ukoll pedament sod għas-snin ta’ wara, ix-xogħol fuqha beda litteralment mill-qiegħ nett.

Strateġija ġdida li bdiet minn karta vojta u qed tinbena mill-ġdid minn dawk li fl-aħħar mill-aħħar huma l-fus tas-settur edukattiv – l-edukaturi. Huwa inutli li l-esperti fl-uffiċċji tagħhom ifasslu, jekk ma jagħrfux il-kontribut ewlieni tal-edukaturi li huma l-professjonisti li jmissu kuljum mat-tfal tal-pajjiż fil-klassijiet. Dan il-Ministeru għarfu u għalhekk infaħħru dak li qed isir għall-ewwel darba fl-ippjanar ta’ strateġiji – li l-edukaturi bnew il-qafas u l-esperti komplew jibnu fuq dan.

Kien pass għaqli li taw il-kontribut tagħhom il-ġenituri u wkoll l-istudenti nfushom, flimkien mal-imsieħba soċjali u dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-edukazzjoni ta’ uliedna. Ħadd aktar mill-istudenti ma jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu b’mod daqshekk dirett fuq dak li huwa l-futur tagħhom. Issa li din l-istrateġija se tkun varata fil-ġimgħat li ġejjin u tinfetaħ għal konsultazzjoni pubblika, jkun litteralment kull settur tal-poplu li kellu parti fit-tfassil tagħha.

Minn dak li smajna jgħid kemm-il darba l-Ministru għall-Edukazzjoni, żewġ pilastri importanti f’din l-istrateġija se jkunu li ċ-ċentru tagħha se jkun l-istudent u li l-istrateġija se tikkonċentra b’mod qawwi fuq il-benesseru tal-istudent.

Dan huwa pass li jeħodna, kif xieraq, ferm il-bogħod minn kif bdejna dan l-editorjal. L-istudent mhux statistika, imma huwa individwu bil-bżonnijiet partikolari tiegħu. Pass, għalhekk li ta min ifaħħru, huwa li din l-istrateġija se tħares lejn settur edukattiv li huwa magħmul minn individwi li kollha għandhom mhux biss il-bżonnijiet partikolari tagħhom, imma wkoll l-aspirazzjonijiet partikolari tagħhom.

Kif rifless ukoll fl-aħħar Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, li l-għan ta’ dan il-Gvern huwa li jibni sistema li tgħin aħjar lill-istudenti kollha jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ filwaqt li jilħqu l-aspirazzjonijiet kollha tagħhom. 

Wara dan kollu, apparti l-ħidma amministrattiva hemm il-professjonist li jgħaqqad din il-ħidma u jaraha ssir fil-prattika: l-edukatur. U anki hawn, fl-aħħar Manifest Elettorali hemm b’mod ċar kif dan il-Gvern iħares lejn l-edukatur: Gvern li jgħaraf li s-sewwieqa tat-tagħlim li jwassal għas-suċċess ta’ wliedna huma l-edukaturi u għalhekk l-aqwa investiment li jista’ jsir f’pajjiżna huwa s-sostenn li se jingħataw l-edukaturi tagħna.

U hekk qed isir ukoll bid-diskussjonijiet avvanzati li għaddejjin biex il-partijiet konċernati jilħqu ftehim settorjali ġdid għall-edukaturi li se jtejjeb il-ftehim eżistenti.

Sena skolastika li mhix biss statistika, imma hija ħidma li ma taqta’ xejn li minnha jibbenefikaw l-istudenti u l-edukaturi ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport