Wednesday, October 9, 2024

L-ISTUDENTI EĊITATI U S-SEWWIEQA NNERVJATI

Aqra wkoll

Min-nhar l-Erbgħa l-istudenti kollha ta’ Malta u Għawdex se jibdew sena skolastika
ġdida u għalihom jew almenu għall-maġġoranza tagħhom, dan huwa żmien eċitanti kemm għax se jitgħallmu affarijiet ġodda, kif ukoll
għax se jerġgħu jibdew jiltaqgħu u jilagħbu mal-ħbieb tagħhom.

L-għalliema din is-sena wkoll għandhom raġuni aktar valida li jidħlu bi ħġarhom għax-xogħol. Dan għax se jgawdu minn kundizzjonijiet u paga aħjar bl-akbar ftehim settorjali li qatt sar favur il-professjoni tagħhom mal-Gvern.

Dan kollu huwa pożittiv hekk kif l-akbar investiment li jrendi lill-pajjiż huwa proprju dak fl-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Iżda, il-bidu ta’ sena skolastika ġdida jġib miegħu sfida kbira – dik tal-konġestjoni tat-traffiku.

Fi ftit ġranet oħra t-toroq ta’ Malta jerġgħu jsiru serbut ta’ karozzi li ma jispiċċa qatt… waħda wara l-oħra. Fejn fis-sajf triq kont tagħmilha f’20 minuta jew l-aktar f’nofs siegħa, jumejn oħra dan il-ħin trid ta’ mill-inqas tirdoppjah. Dan għax fit-toroq tagħna jiżdiedu l-privates, il-vannijiet u l-karozzi privati b’ġenituri, li
kollha jwasslu tfal fl-iskejjel rispettivi tagħhom.

Hawn jibda l-uġigħ ta’ ras. Uġigħ ta’ ras pjuttost qawwi akkumpanjat minn garr mis-sewwieqa li ħafna minnhom jimtlew binnervi għax ikunu jridu jaslu għax- xogħol jew għal xi appuntament fil-ħin. Hawn, ma nagħtuhomx tort.

Qegħdin naraw li minn sena għall-oħra, il-problema tat-traffiku qed tippersisti u li hija verament eżuberanti. Il-konġestjoni fit-toroq baqgħet realtà minkejja l-ħafna
xogħlijiet infrastrutturali fit-toroq tagħna li kif nafu u naraw, huma għaddejjin il-ħin kollu mal-pajjiż kollu.

B’hekk, kull bidu ta’ sena skolastika qiegħda tirriżulta fi studenti eċitati u sewwieqa innervjati. Il-problema tal-konġestjoni tattraf­fiku fil-verità hija problema li ħafna sewwieqa jiffaċċjaw ta’ kuljum. Id-differenza hija li fil-ġranet tal-iskola din tiżdied bil-qawwi.

Hawn wieħed irid jikkonsidra miżuri li jistgħu, jekk mhux jeliminaw almenu jnaqqsu, dan l-inkonvenjent. Nemmnu li wasal iż-żmien li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu bi ftit sagrifiċċju u li wasal iż-żmien ukoll li nadottaw ideat innovattivi. Dan billi fl-ewwel pass innaqsu n-numru tal-vetturi fit-toroq tagħna.

Fost miżuri li nistgħu nadottaw hemm dik tal-car pooling fejn ħaddiema jingħaqdu u jmorru b’karozza waħda; aktar studenti jużaw it-trasport ipprovdut bla ħlas mill-Istat u aktar persuni jużaw it-trasport pubbliku li wkoll huwa b’xejn. Il-Gvern f’dan is-sens għamel ħafna.

Imbagħad wieħed jista’ jikkonsidra ideat aktar innovattivi li jirrikjedu tibdil li joħodna lil hinn minn dak li aħna mdorrijin bih. Nemmnu li wasal iż-żmien li jsir studju ħalli naraw jekk għandux ikun hemm tibdil fil-ħinijiet tal-iskejjel. Dan bil-għan li t-traffiku ma jinqabadx f’daqqa.

Minnbarra hekk tista’ tkun ikkonsidrata l-possibbiltà ta’ ġranet Fil-ġimgħa kemm ta’ xogħol, kif ukoll ta’ edukazzjoni, fuq bażi remota. Jiġifieri jsiru mid-dar. Din is-sistema diġà esperjenzajniha, għax ġiet fuqna ta’ bilfors, fi żmien il-Covid-19. Dak iż-żmien ħadmet. Ma narawx għaliex m’għandhiex taħdem u tkun parti mis-soluzzjoni issa li ħriġna mill-pandemija.

B’dan ilmod il-persuni u t-tfal li jivjaġġaw ta’ kuljum jonqos sew. Għaldaqstant, jonqos it-traffiku. Irridu nżommu f’moħħna li l-indirizzar tal-konġestjoni tat-traffiku li nesperjenzaw mill-bidu ta’ kull sena skolastika ġdida jeħtieġ responsabbiltà kollettiva.

Il-gvernijiet, l-iskejjel, il-ġenituri u l-istudenti għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw li t-toroq jibqgħu siguri, effiċjenti u favur l-ambjent. Wara kollox, l-għan
tal-edukazzjoni mhuwiex biss li tħejji lill-istudenti għall-futur iżda li tagħmel dan b’mod li tiżgura kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.

Dan kemm fil-klassi, kif ukoll barra. Min-naħa tagħna, filwaqt li nawguraw sena skolastika ġdida tajba lill-istudenti kollha, nawguraw ukoll lis-sewwieqa vjaġġi trankwilli u bla dewmien żejjed.

Infakkru li l-ewwel u qabel kollox wieħed għandu jżomm f’moħħu s-sigurtà. Mhuwiex lant li wieħed isuq mgħaġġel, imgerfex jew b’nervi tant li jara kollox
aħmar dan kollu għax jeħel fit-traffiku. Ftakru… aħjar ftit tard milli qatt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport