Matul iż-żmien bosta kienu dawk li niżżlu isimhom fir-rekords nazzjonali f’diversi attivitajiet, f’dawk li huma magħrufa bħala l-Malta Records. Il-ġrajja tal-bieraħ kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha meta tifel ta’ 7 snin għaġġeb lil kulħadd billi rnexxielu jagħraf l-akbar għadd ta’ stampi ta’ statwi titulari, sekondarji jew li jakkumpanjaw il-marċ f’Malta u Għawdex.
Dan is-sit, ilbieraħ mar fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq fejn hemmhekk iltaqa’ mat-tifel, Edward Zammit, u anke rah jagħmel dan ir-rekord. Huwa kellu b’kollox tliet tentattivi, u wara kull tentattiv irnexxielu saħansitra jtejjeb il-ħin tiegħu.
Tkellimna ma’ Jeffrey Saliba mill-Malta Records li qalilna li “assistejna għal rekord ġdid f’pajjiżna fejn kellna l-iżgħar tifel, li qata’ ammont kbir ta’ vari, kien hemm 100 b’kollox. Tista’ tgħid li qatagħhom kważi kollha. Issa rridu nivverifikaw sew bħala rekord.”
Huwa qal li d-diffikultà ewlenija f’dan ir-rekord hija li għandek ġlieda mal-ħin. Dan filwaqt li l-isfida l-oħra hija l-età tenera li għandu dan it-tifel. Spjega li fil-fatt saru tliet provi u wara kull waħda kompla jtejjeb il-ħin tiegħu.
“Li tkun taf dawk il-vari kollha li wħud minnhom kulma jidher tista’ tgħid wiċċhom mhix ħaġa faċli. Hija xi ħaġa diffiċli wkoll għax ċertu vari hawn Malta għandna ħafna minnhom, speċjalment Santa Marija, li għandek ħafna fil-parroċċi ta’ Malta u Għawdex,” qal Saliba li nnota kif it-tifel ħa madwar sitt minuti biex kiseb dan ir-rekord.
Għaċ-ċkejken Edward, dan ir-rekord kien ta’ sodisfazzjon kbir u jfisser ħafna għalih. Dan għaliex ilu jipprepara u jaħdem ħafna biex jilħaq dan it-tragward. Semma li l-aktar statwa li għandu għal qalbu hija dik tal-Madonna tal-Karmnu u x-xewqa tiegħu la jikber hi li jsir statwarju.