Saturday, December 14, 2024

L-MCAST jistħarreġ il-fenomenu ta’ baħar sħun fl-ibħra kostali Maltin

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Aldo Drago, Professur fl-Oċeanografija fl-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport tal-MCAST jikteb dwar ix-xogħol li sar mis-sezzjoni tal-oċeanografija li qed tibni l-MCAST biex teċċella fir-riċerka tal-baħar u tipprovdi informazzjoni bbażata fuq ix-xjenza lill-istudenti, lill-partijiet interessati u lill-pubbliku ġenerali.

Kuntrarjament għal dak li nkiteb fil-midja, il-fenomenu ta’ baħar sħan huwa komuni madwar il-gżejjer Maltin. Bħal fil-bqija tal-Baħar Mediterran, dawn l-avvenimenti ta’ temperatura estrema tal-baħar seħħew fil-passat, però f’dawn l-aħħar snin saru aktar intensi (temperaturi ogħla), iseħħu fuq tul ta’ żmien itwal u qed ikunu aktar frekwenti. Żieda fit-temperatura tal-ilma hija kklassifikata bħala mewġa ta’ sħana tal-baħar (MHW) meta t-temperatura tal-baħar tibqa’ ‘l fuq mid-90 perċentil klimatoloġiku għal aktar minn ħamest ijiem.

Taħt id-direzzjoni tal-Prof. Aldo Drago, is-sezzjoni tal-oċeanografija fi ħdan l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija qed iżżomm għajnejha fuq iż-żieda attwali fit-temperaturi tal-baħar li saret okkorrenza rikorrenti kull Sajf, partikolarment lejn l-aħħar ta’ Lulju u l-bidu ta’ Awwissu. L-aċċess għad-dejta bis-satelliti jipprovdi veduti sinottiċi elaborati tal-varjabbiltà fl-ispazju tat-temperatura tal-ilma baħar fil-wiċċ. Flimkien ma’ mudelli numeriċi, din id-dejta tipprovdi mezz ta’ tbassir ta’ kif it-temperaturi tal-baħar mistennija jevolvu fil-jiem li ġejjin.

Il-baħar mhuwiex massa waħda ta’ ilma, u d-dinamika tiegħu twassal għal differenzi sostanzjali fit-temperatura, skont il-post. L-istampa turi s-sitwazzjoni tat-temperatura tal-wiċċ tal-baħar fil-Kanal ta’ Sqallija fit-5 ta’ Awwissu f’nofsinhar. L-ilmijiet ta’ barra madwar il-Gżejjer Maltin għadhom taħt il-limitu tat-30oC; l-ilma fil-Kanal ta’ Malta-Sqallija jibqa’ relattivament aktar frisk hekk kif l-ilma aktar kiesaħ (upwelling) fuq l-Adventure Bank, fl-pjattaforma kontinentali tal-Lbiċ ta’ Sqallija, jinfirex lejn il-Lvant. Iż-żieda fit-temperatura tal-baħar hija evidenti fil-latitudni lejn in-nofsinhar ta’ din il-medda baħar fejn l-ilma jilħaq qrib it-32 oC fil-Golf ta’ Gabes fuq il-kosta Tuneżina.

Eqreb lejn il-kosta, u speċjalment ġewwa l-bosta bajjiet u portijiet f’Malta u Għawdex, it-temperatura tal-baħar mistennija tkun aktar sħuna (m’hemmx kejl disponibbli) b’madwar 1 oC meta mqabbel mal-baħar aktar miftuħ.

It-temperatura madwar il-Gżejjer Maltin baqgħet, bħala medja, madwar 1.1oC ‘l fuq mil-livelli klimatoloġiċi sa minn nofs ta’ Mejju, u dan jagħmel il-mewġa ta’ sħana tal-baħar attwali l-itwal waħda meqjusa. L-aktar perjodu intens tal-fenomenu seħħ fis-6 ta’ Ġunju meta l-anomalija fit-temperatura qabżet l-4 oC. It-temperaturi massimi (ħlief f’żoni baxxi eqreb tax-xatt) baqgħu taħt il-limitu ta’ 30 oC li nqabeż fis-snin ta’ qabel. It-tbassir għall-jiem li ġejjin juri tnaqqis inizjali fit-temperatura sal-bidu tal-ġimgħa d-dieħla, segwit minn żieda gradwali lura għall-valuri attwali. L-ilmijiet aktar friski huma mistennija fin-Nofsinhar ta’ Għawdex flimkien mal-inċidenza tar-riħ Majjistru li jqanqlu l-ilmijiet aktar friski mis-saffi tal-qiegħ tal-baħar (upwelling). It-temperatura tal-baħar mhix mistennija taqbeż it-30 oC ħlief fi ftit żoni fokali eċċezzjonali viċin ix-xatt f’Marsalforn, Ramla l-Ħamra u Wied iż-Żurrieq.

L-implikazzjonijiet u l-impatti fuq l-ekosistema tal-baħar ta’ dawn il-fenomeni ta’ anomaliji fit-temperatura tal- baħar huma magħrufa, iżda ma nistgħux nikkontrollaw u nifhmu l-ambjent tal-baħar lokali tagħna mingħajr kejl dirett u dejta fil-post. Bħalissa l-informazzjoni li għandna tiġi prinċipalment mis-Servizz Ewropew għall-Ambjent u l-Monitoraġġ tal-Baħar (Copernicus), iżda hija meħtieġa dejta diretta għall-valutazzjoni aktar lokali fil-livell xieraq ta’ dettal. Pajjiżna għadu nieqes minn sistema ta’ osservazzjoni permanenti biex tkejjel il-varjabbli essenzjali ewlenin tal-ekosistema, inkluża t-temperatura tal-baħar. L-MCAST qed jimpenja ruħu biex jinvesti fl-oċeanografija kemm akkademikament, permezz ta’ korsijiet dedikati, kif ukoll fuq livell ta’ riċerka billi jistabbilixxi miri għal sistemi operattivi li jkejlu u janalizzaw it-temperatura tal-baħar f’Malta u Għawdex.

L-MCAST huwa kommess li jipprovdi ir-riżorsi umani fil-pajjiz anki fil-qasam tal-baħar biex jindirizza il-Blue Economy, l-attività ekonomika fil-pajjiż marbuta mal-baħar, billi nkomplu niffurmaw aktar persuni mħarrġa fuq  livell tekniku u bbażat ukoll fuq pedament xjentifiku. L-MCAST se tkun qed tinvesti u ssaħħah t-tagħlim marbut mal-baħar li diġa tagħmel speċjalment fuq livell marittimu marbut mas-settur tat-trasport bil-baħar, u ta’ l-inġinerija marittima, billl ddaħħal elementi ta’ studji oħra mifruxa u marbuta mal-baħar fuq livell ta’ management ambjentali, monitoraġġ tal-baħar u l-iżvilupp  ta’ servizzi ta’ informazzjoni u għarfien fuq il-baħar li huma spina dorsali biex naffrontaw l-isfidi tal-kambjament tal-klima, u fl-izżvilupp sostenibbli tal-baħar biex tissaħħaħ l-attività ekonomika mingħajr ma’ ssir ħsara u impatt fuq l-ambjent.

Ekonomija

Sport