Saturday, December 21, 2024

L-MHRA tappella lill-Gvern biex jestendi l-wage supplement sa Marzu 2022

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) appellat lill-Gvern biex jestendi l-wage supplement għal dawk li jaħdmu fis-settur tal-ospitalità sa mill-inqas Marzu tal-2022. 

L-MHRA faħħret ukoll il-viżjoni tal-Gvern, b’mod partikolari din l-inizjattiva, li se tkompli tgħin lis-settur turistiku li kien l-aktar milqut f’dawn l-aħħar 18-il xahar minħabba l-pandemija. 

L-MHRA enfasizzat li minkejja li l-membri tagħha jittamaw li l-operat tagħhom jerġa’ lura għal kundizzjonijiet kummerċjali tajbin, huwa evidenti li għad fadal xhur twal ibsin quddiemhom.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li “minn meta ġew stabbiliti miżuri u restrizzjonijiet ta’ lockdown, il-membri tagħna kienu konformi mar-regolamenti. Is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema minn dejjem kienu fuq nett tal-aġenda tagħna. Iżda dan fisser diffikultajiet finanzjarji serji għal ħafna minnhom.”

Is-Sur Zahra kompla jgħid li: “l-MHRA tapprezza li l-Gvern jixtieq li aħna nagħmlu aktar, iżda rridu nibqgħu fil-limiti ta’ dak li hu affordabbli u sostenibbli f’kundizzjonijiet realistiċi tan-negozju.”

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MHRA saħqet li issa mhux iż-żmien li tieqaf għalkollox l-għajnuna li qiegħda tingħata u ħeġġet lill-Gvern biex ikompli jgħin lil dan is-settur. 

Tenniet li l-attenzjoni issa ddur fuq kif il-lukandi u r-ristoranti jkomplu jiġu megħjuna sa mill-inqas l-ewwel kwart tal-2022, imbagħad minn hemm ‘il quddiem wieħed jara x’deċiżjonijiet għandhom jittieħdu.

Ekonomija

Sport