Tuesday, May 14, 2024

L-MHRA tilqa’ il-pjan ta’ ristrutturar tal-Air Malta u tgħid li huwa wieħed kuraġġuż

Aqra wkoll

B’referenza għall-pjan ta’ ristrutturar li tħabbar rigward il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) qalet li ilha snin twal targumenta li l-linja tal-ajru trid tkun sostenibbli. Qalet li d-deċiżjoni li ttieħdet hija kuraġġuża u pass sostanzjali fid-direzzjoni t-tajba, għalkemm sostniet li jkun hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet oħra biex jiġi żgurat il-futur fit-tul tal-Air Malta.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li, “Il-pjan ta’ ristrutturar imħabbar għall-Air Malta huwa indispensabbli u għandu jkun fid-direzzjoni t-tajba.” Huwa osserva li wieħed għandu jitgħallem biex l-iżbalji tal-passat ma jiġux ripetuti għall-ġid tal-impjegati, is-settur tat-turiżmu, u l-ekonomija ġenerali kollha kemm hi. Sostna li huwa imperattiv li l-Air Malta tiġi salvata.

L-MHRA nnotat kif l-importanza tal-Air Malta tispikka fl-irwol ta’ appoġġ li għandha għall-ekonomija nazzjonali u oqsma soċjali, fost l-oħrajn u li tagħmel dan billi tiżgura konnettività stabbli u regolari mal-pajjiżi Ewropej u lil hinn.

L-MHRA qalet li tappoġġja lill-Gvern fit-teħid tal-azzjoni meħtieġa biex jiżgura li l-proċess ta’ ristrutturar jitwettaq bl-aħjar mod u mingħajr xkiel. Temmet tgħid li l-Gvern għandu jikkunsidra modi kif jiffaċilita l-proċess biex dawk l-impjegati tal-Air Malta li se jispiċċaw minn fuq l-kotba tal-linja nazzjonali tal-ajru, jidħlu fis-settur privat fid-dawl tat-talbiet eżistenti. 

Sport