Wednesday, April 24, 2024

L-MPE Josianne Cutajar tinħatar il-Viċi President tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Awstralja u New Zealand

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Dr.Josianne Cutajar ġiet maħtura f’isem is-Soċjalisti u d-Demoktratiċi bħala l-Viċi President tad-Delegazzjoni Ewropea għar-Relazzjonijiet mal-Kontinent Awstraljan u dak ta’ New Zealand (DANZ).

L-għan ta’ din id-delegazzjoni għall-Unjoni Ewropea hija li żżomm ir-relazzjoni b’saħħitha li hemm bejn iż-żewġ partijiet, bis-suġġett fuq nett tal-aġenda bħalissa jkun il-ftehim ta’ kummerċ ħieles li qed jiġi nnegozjat u kollaborazzjoni fuq sfidi komuni bħat-Tibdil fil-Klima u aktar riċenti l-Covid-19.

Wara l-ħatra tagħha Cutajar qalet li l-kriżijiet li għandna quddiemna lkoll juruna li l-aħjar soluzzjonijiet jinstabu meta l-pajjiżi min-naħat differenti tad-dinja jingħaqdu u jiftħu d-djalogu.

“Quddiem il-ġlieda kontra t-tibdil fil-Klima, quddiem sfidi għas-saħħa pubblika bħall-pandemija u s-sigurtá ħadd ma jista’ jsib is-soluzzjonijiet waħdu.Ilkoll neħtieġu lil xulxin.

L-Ewroparlamentari Maltija tinsab determinata li tkompli tħares u tippromwovi l-valuri komuni bħad-drittijiet umani filwaqt li twitti t-triq għal aktar investiment komuni fl-oqsma bħal dawk tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, settur li fi kliem Cutajar għandu l-potenzjal għal aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat

Intant, f’laqgħa li Cutajar kellha mal-Kummissarju Għoli Awstraljan għal Malta, l-E.T Jenny Cartmill, ġiet innutata r-relazzjoni pożittiva li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi.

Fost l-oħrajn f’din il-laqgħa kien diskuss it-tisħiħ tal-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi, oqsma li fil-futur jista’ jkun hemm kollaborazzjoni bejniethom u anke qsim tal-aħjar prattiċi fejn jidħol il-ġeneru.

Finalment, Dr. Josianne Cutajar saħqet li “f’kull diskussjoni li se jkolli bħala Viċi President għal din id-delegazzjoni dejjem se nżomm l-interess taċ-ċittadini Ewropej u l-Istati Membri tagħha, inkluż Malta.”

Hija sellmet il-kommunitá numeruża ta’ Maltin u Għawdxin fl-Awstralja u uriet ix-xewqa li din il-kariga sservi ta’ pont għal aktar relazzjonijiet b’saħħithom.

Sport