Monday, May 13, 2024

L-OBEŻITÀ… FEJN QEGĦDIN U FEJN IRRIDU MMORRU

Aqra wkoll

Madwar id-dinja hawn aktar minn biljun persuna li huma obeżi. Malta mhijiex eċċezzjoni. Imma għalfejn illum il-ġurnata, li ninsabu fl-2024, għad għandna rata għolja ta’ nies li għandhom piż żejjed? Forsi għax aħna m’aħniex edukati biżżejjed dwar x’għandna nieklu għall-ġid ta’ saħħitna? Jew kemm aħna bħala poplu neqsin milli nagħmlu eżerċizzju fiżiku?

Jekk it-tweġiba hija din tal-aħħar, allura għandna għax niddiżappuntaw ruħna billi pajjiżna hawn faċilitajiet sportivi kif ukoll kampanji ta’ għarfien dwar il-ħtieġa li nagħmlu l-eżerċizzji fiżiċi. Għalkemm diġà saru studji dwar ir-rata tal-obeżità f’Malta nħeġġu biex ir-riċerka f’dan il-qasam ta’ saħħa pubblika ma tonqosx.

Il-ħxuna żejda tista’ tkun il-pont li twassal għal mard serju ieħor partikolarment għad-dijabete, il-mard tal-qalb u kolesterol fost mard serju ieħor. Huwa magħruf ukoll li ċertu ikel jista’ jikkontribwixxi għal dan il-piż żejjed. Quddiem dan kollu, ikun hemm min jistaqsi x’nistgħu nagħmlu iżjed biex inkomplu nikkumbattu l-obeżità u fl-istess ħin innaqqsu d-diversi riskji li huma assoċjati ma’ din il-kundizzjoni.

Bla dubju ta’ xejn, l-eżerċizzju fiżiku jgħin f’dan ir-rigward. Minn tlieta sa ħamest ijiem fil-ġimgħa, bejn 30 u 60 minuta ta’ eżerċizzju, għandu jkun biżżejjed. Kif ukoll, wieħed irid jadotta stil ta’ ħajja ġdida, fejn għandu jirregola d-dieta tiegħu, billi jikkonsma ikel li huwa tajjeb għas-saħħa. B’danakollu, wieħed jista’ jfittex ukoll l-għajnuna ta’ espert fil-qasam u anke jieħu parir ta’ tabib qabel jinbeda kwalunkwe tip ta’ rutina ta’ eżerċizzju ġdida.

Sadanittant, b’rabta ma’ dan is-suġett, fil-jiem li għaddew tkellem ukoll il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo-Etienne Abela. Waqt li kien qed iwieġeb interpellanza tad-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg, il-Ministru Abela żvela li qed isir tfassil ta’ tliet strateġiji separati li jindirizzaw it-tnaqqis tal-piż żejjed u l-obeżità, jiġifieri l-Healthy Eating and Nutrition Strategy, il-Health-Enhancing Physical Activity Strategy u l-Management of Overweight Obesity Strategy.

Nifhmu li l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ dawn l-inizjattivi tinħtieġ is-sehem tad-diversi oqsma tas-saħħa u ta’ numru ta’ dipartimenti u l-aġenziji pubbliċi, magħruf bħala Health-in-All Policies. Għalhekk huwa minnu, kif qal tajjeb il-Ministru Abela, li għalkemm ma nistgħux nimmodifikaw il-ġenetika tagħna, nistgħu iżda nibdlu d-drawwiet tagħna ta’ ikel, xorb u eżerċizzju biex nevitaw l-obeżità u l-effetti ħżiena fuq is-saħħa.

Inħarsu ‘l quddiem għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji li l-għan ewlieni tagħhom se jkun dak li tkompli tiġi miġġielda l-problema tal-obeżità f’pajjiżna.

Sport