Saturday, May 2, 2026

“L-ogħla interess tiegħi dejjem kienu u jibqgħu l-familja, il-Partit u l-pajjiż”- Roderick Galdes

Aqra wkoll

Kif tafu, l-ogħla interess tiegħi dejjem kienu u jibqgħu l-familja, il-Partit u l-pajjiż.

Fuq il-kandidatura tiegħi ntqal ħafna. Jien tkellimt b’mod ċar, dirett u mingħajr tlaqliq, u dak li għidt jibqa’ validu u nżommu fl-intier tiegħu, partikolarment dwar dak li ġara fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit.

Offrejt li nerġa’ nikkontesta għas-sitt darba fl-elezzjoni ġenerali, bil-għan li nerġa’ nikseb il-fiduċja tan-nies, kif dejjem ġara kull darba li ppreżentajt ruħi quddiem l-elettorat. Għax nemmen bis-sħiħ li s-sovranità hija f’idejn il-poplu, u hu għandu jkun dak li jagħżel min jirrappreżentah.

Madankollu, kif qed taraw, il-Partit Nazzjonalista u ċerti fazzjonijiet estremi li għad għandhom influwenza fih qed jippruvaw jużaw ismi b’mod partiġġjan biex jagħmlu ħsara lill-Partit Laburista, partit li għalija dejjem kien u jibqa’ parti mill-familja tiegħi.

Huwa għal din ir-raġuni biss li ħadt id-deċiżjoni li ma nkomplix bil-ħidma tiegħi biex nikkontesta f’din l-elezzjoni, sabiex niffoka l-enerġija kollha tiegħi biex inkompli naħdem flimkien magħkom għall-aħjar riżultat possibbli għall-Partit Laburista u għall-pajjiż.

Ninsab konvint li l-allegazzjonijiet u l-kalunji li saru fuqi bla bażi ser jisfaxxaw fi żmien qasir, u nemmen li wara dan inkun nista’ nkompli nservi kif dejjem għamilt, b’dedikazzjoni u lealtà.

Insellem mill-qalb lil Qriema li dejjem wrewni l-fiduċja tagħhom sa minn żmien il-Kunsill Lokali, lil Luqin li laqgħuni fil-komunità tagħhom, u lis-Siġġiwin li kienu parti importanti mill-mixja politika tiegħi tul is-snin.

Dan kien il-messaġġ li wassal Roderick Galdes permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport