Saturday, May 2, 2026

‘Nemmen li s-sigriet tas-suċċess tagħna kien l-għaqda u d-determinazzjoni li wrejna tul l-istaġun kollu’ – Matthias Said

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn meta kont żgħir ħafna, dejjem kelli l-ballun f’idi. Niftakarni nilgħab barra fit-triq ma’ ħbieb u dejjem kont nistenna l-ħin tal-logħob b’ħerqa kbira. Il-familja tiegħi dejjem kienet tappoġġjani u kienet tħeġġiġni biex insegwi l-passjoni tiegħi. Il-futbol għalija ma kienx sempliċi logħba, imma parti minni.

Niġu issa għall-punt. X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-GFA Cup?

Bħala plejer ta’ Xewkija Tigers FC, nemmen li s-sigriet tas-suċċess tagħna kien l-għaqda u d-determinazzjoni li wrejna tul l-istaġun kollu. Kull plejer ta kollox fil-grawnd, u flimkien mal-ħidma kbira tal-kowċis u l-appoġġ tal-partitarji, irnexxielna nibqgħu ffukati sal-aħħar. Ir-rebħ tal-GFA Cup mhux biss ifisser trofew importanti għall-klabb, imma għalija personalment huwa unur speċjali għax huwa l-ewwel suċċess tiegħi ma’ dan it-tim. Din il-kisba tagħtini aktar motivazzjoni biex inkompli naħdem għal aktar suċċessi fil-futur.

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fil-gżejjer tagħna, għadna nonqsu f’ċerti aspetti ta’ faċilitajiet. Hemm bżonn ta’ aktar investiment f’grawnds moderni u ambjent aktar professjonali għat-taħriġ. Iżda minkejja dan, bħala plejers nagħmlu l-almu tagħna bl-għodod li għandna u nkomplu nitħarrġu b’dedikazzjoni.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar ’il bogħod tiegħek fil-futbol?

Il-ħolma tiegħi hi li nikseb l-ogħla livell possibbli, kemm f’Malta u possibilment barra minn xtutna wkoll. Qiegħed naħdem kuljum fuq l-aspetti kollha tiegħi biex inkun l-aħjar verżjoni tiegħi nnifsi. Qatt mhu faċli, imma b’determinazzjoni u xogħol iebes, nemmen li kollox hu possibbli!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Tħallu lil ħadd jgħidilkom li ma tistgħux tagħmluha. Il-futbol jitlob ħafna sagrifiċċji, dedikazzjoni u paċenzja. Iżda jekk temmen fik innifsek, taħdem iebes, u tibqa’ umli, tista’ tasal fejn trid. Ħossok grat għal kull opportunità u ibqa’ tgħallem dejjem! Il-vjaġġ mhux dejjem faċli, imma żgur li jiswa!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport