Friday, February 21, 2025

L-opportunitajiet huma bla limitu għal kull min għandu passjoni u hu lest jiddedika l-ħin biex jirnexxi bħala referee tal-futsal – Danilo Francalanza

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn ir-refereeing u għaliex għażilt proprju r-refereeing fil- futsal? 

Niftakar fl-2017, meta kont għadni plejer tal-futbol, kont ġejt avviċinat minn organizzatur ta’ tournament amatorjali tal-youths biex inkun referee. Wara li ħsibtha ftit, iddeċidejt li naċċetta l-proposta u nieħu l-opportunitá bħala sfida kif ukoll esperjenza. Kienet esperjenza pożittiva ħafna u baqgħet ittimbrata f’moħħi. Fix-xhur ta’ wara ma mmaterjalizza xejn għaliex komplejt nilgħab il-futbol b’mod regolari sakemm qisu sentejn wara kelli nieqaf mill-futbol minħabba raġunijiet ta’ xogħol li ma kinitx possibli għalija li nsib bilanċ tajjeb bejn il-futbol u l-karriera professjonali tiegħi. Ftit xhur wara li waqaft mill-futbol, tfaċċat il-pandemija tal-COVID-19, fejn bħalma kulħadd jaf, l-attivitajiet kalċistiċi kienu limitati ħafna u saħansitra waqfu għal kollox għal xi perjodu. Proprju f’dan iż-żmien ħassejt in-nuqqas tal-futbol f’ħajti li kont ilni nippratika sa minn ċkuniti u fl-2022 iddeċidejt li nidħol bħala referee tal-futbol mal-MFA biex nerġa’ nkun involut fil-logħba. Niftakar li l-‘introductory course’ kien bejn Jannar u Frar tal-2022 u waħda minn dawn is-sessjonijiet inizjali kienet propju introduzzjoni bażika fuq il-futsal. Nammetti li dak il-mument u dak iż-żmien ma kont interessat xejn f’dan l-isport. Fix-xhur ta’ wara, proprju fil-waqfa tas-sajf wara li ntemm l-istaġun iddeċidejt li nieħu ċans u nittanta xortija fil-futsal. Fl-istaġun ta’ wara, wara pre-season seminar intensiv u ftit logħbiet, kelli esperjenzi pożittivi ħafna u qatt ma ħarist lura minn dak il-mument.

Kif qed tħares lejn il-fatt li proprju fil-jiem li għaddew, ingħatajt il-badge tal-FIFA bħala referee tal-futsal?

Huwa ta’ unur u privileġġ għalija. Huwa wkoll prova ċara ta’ fiduċja mill-assoċjazzjoni (Malta FA), frott tal-prestazzjonijiet pożittivi tiegħi lokalment. L-opportunitá li tirrapreżenta lill-pajjiżek internazzjonalment fil-kompetizzjonijiet ewlenin tal-futsal fl-Ewropa hija waħda tassew indeskrivibbli.

Hemm xi logħba li rreffjajt li tibqa’ tiftakar iktar minn oħrajn fil-karriera tiegħek sa issa?

Kull logħba fiha l-kuntest u l-istorja tagħha u hija ‘learning curve’ minħabba sitwazzjonijiet u esperjenzi li qatt ma tkun iltqajt maghhom qabel. Bil-format tal-kampjonat tal-futsal lokali, il-finali tal-play-offs għar-rebħ tal-kampjonat ċertament li huma fost l-iżjed logħob missielta, eċitanti u tista’ tgħid li jkun fihom minn kollox!

Kemm huwa importanti li jkun hemm komunikazzjoni tajba bejn l-uffiċjali tal-logħba waqt partita u anke mal-plejers li huma l-atturi ewlenin fil-grawnd?

Importantissima u vitali! Kif għidt int, il-plejers huma l-protagonisti fil-grawnd. Huma joffru l-ispettaklu li l-partitarji jkunu eċitati biex jaraw. Fi kwalunkwe logħba, dejjem fil-kuntest tal-logħba speċifika, huwa importanti ħafna li tul il-partita jinbena rapport sħiħ bejn l-uffiċjali u l-plejers, fejn l-għan ewlieni ikun dak li jkun hemm komunikazzjoni tajba u effiċjenti ta’ x’inhu tollerat u x’inhu mistenni miż-żewġ partijiet.

Tħoss li hemm rispett adekwat mill-pubbliku sportiv Malti lejn l-uffiċjali tal-logħba b’mod ġenerali?

Din hija mistoqsija naqra diffiċli li jista’ jkollha risposti differenti skont il-perspettiva ta’ min iweġibha. B’mod ġenerali, iva hemm rispett lejn l-uffiċjali tal-logħba, speċjalment meta jikkunsidraw li r-refereeing huwa fost l-iżjed rwoli difficli fl-isport u li ftit nies lesti li sahansitra jikkunsidraw li jkunu involuti f’dan ir-rwol. Il-pubbliku sportiv ġeneralment jaċċetta l-fatt li l-uffiċjali huma umani u jsiru żbalji ġenwini bħalma jsiru minn min ikun involut fil-partita – kowċis u plejers inklużi. Mill-banda l-ohra, sfortunatament, ġieli jkun hemm l-element ta’ ‘blame culture’ – fejn l-uffiċjali jispiċċaw ‘scapegoats’ għal riżultati mhux favorevoli.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess bħala referee tal-futsal.

L-opportunitajiet huma bla limitu għal kull min għandu passjoni u hu lest jiddedika l-ħin biex jirnexxi bħala referee tal-futsal. Kieku xi ħadd qalli tliet snin ilu meta bdejt nirrefja l-futsal li illum se nkun wasalt s’hawn, żgur mhux forsi li kont inkun xettiku ħafna. Ir-refereeing huwa vjaġġ kumplimentat b’passjoni, ‘commitment’, impenn u integritá li joffri sfidi u jispirak pożittivament fil-ħajja. Minn hawn, nixtieq inħeġġeġ bis-sħiħ lil kull min hu interessat biex javviċina lill-assoċjazzjoni (Malta FA) biex jipprova din il-karriera premjanti li ssaħħek fuq livell sportiv, professjonali kif ukoll personali! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport