Wednesday, November 20, 2024

L-UE … mill-premju nobel għall-paċi għal diskors ta’ gwerra fil-kontinent

Aqra wkoll

Aktar mhu jgħaddi żmien u aktar ma tittawwal il-gwerra fl-Ukrajna, aktar qegħdin naraw l-Unjoni Ewropea tieħu direzzjoni ferm u ferm differenti mill-għanijiet li għalihom twaqqfet. Sa issa f’sentejn u xahar mindu bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea u l-Istati membri taw xejn inqas minn $155 biljun f’għajnuna militari, finanzjarja u umanitarja lill-Ukrajna. Rajna ukoll lill-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba mindu twaqqfet tiffinanzja ix-xiri ta’ armamenti u apparat militari għall-Ukrajna.

Dan sar minkejja li t-trattati Ewropej jipprojbixxu lill-Unjoni Ewropea milli tiffinanzja operazzjonijiet militari. Minkejja dan l-Unjoni Ewropea użat il-fondi tal-European Peace Facility biex tgħin lill-Ukrajna u f’sentejn immobilizzat xejn inqas minn $12.1 biljun. Issa qegħdin naraw ukoll li qegħdin isiru dikjarazzjonijiet li bħalhom tista’ tgħid qatt ma ntqalu minn esponenti tal-Unjoni Ewropea. Qegħdin nisimgħu dikjarazzjonijiet bħal li l-ekonomiji nippreparawhom għall-gwerra. Kellna lil Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropea li ddikjara li “jekk irridu l-paċi irridu nippreparaw għall-gwerra”.

Dikjarazzjonijiet li meta tismagħhom u meta tirrifletti fuqhom ma tistax ma tistaqsix fejn hi sejra l-Unjoni Ewropea? Ma tistax ma tistaqsix kif din l-Unjoni Ewropea li twieldet bil-għan li ma jsirux gewerer fl-Ewropa illum qiegħda titkellem kif se żżid in-nefqa fuq id-difiża, kif se tgħin militarment pajjiż bħall-Ukrajna. Illum qegħdin nisimgħu dikjarazzjonijiet bħal li l-Ewropea kellha l-impressjoni li l-paċi hi permanenti.

Dak li qed isir u qegħdin nisimgħu bih llum hu ferm u ferm ilbogħod mill-ispirtu li għalih twaqqfet l-Unjoni Ewropea.

Hi sfortuna kbira li llum l-Unjoni Ewropea donnha tilfet il-kapaċità tagħha li tinnegozja ftehim ta’ paċi. Fil-passat rajna l-Unjoni Ewropea tieħu inizjattivi biex ixettel il-paċi. Għal dawn l-isforzi anke ġiet rikonoxxuta tant li fis-sena 2012 f’deċiżjoni unanima mill-Kumitat Nobel Norveġiż, il-Premju Nobel għall-Paċi ngħata lill-Unjoni Ewropea. Issa għaxar snin wara qegħdin naraw Unjoni Ewropea titkellem kontinwament kif se tgħin militarment pajjiż ieħor.

Nemmnu li l-Unjoni Ewropea spiċċat f’din is-sitwazzjonijiet għaliex m’hemmx politiċi ta’ stoffa. Fuq kollox tinħass u tidher sew li l-Unjoni Ewropea fil-kunflitt Ukren m’għandhiex ir-rieda ġenwina li jkun hemm il-paċi bejn iż-żewġ naħat. L-Unjoni Ewropea tidher li hi interessata biss li jkun hemm telfa għar-Russja akkost ta’ kollox.

U għalhekk biex jintlaħaq dan il-għand l-Unjoni Ewropea qiegħda tippompja flejjes kbar. Flejjes li qegħdin itawlu il-kunflitt. Flejjes li minnhom qegħdin igawdu l-fabbriki kbar tal-armi Ewropej.

U waqt li l-kunflitt ikompli jittawwal aktar u aktar ċittadini u aktar suldati kemm ta’ naħa u kemm ta’ oħra jispiċċaw vittmi. Aktar ħaddiema qegħdin jitilfiu ħajjithom. Ma’ dan hemm l-inċertezza għar-refuġjati Ukreni għax sa issa m’għandhom ebda ħjiel meta se jirritornaw f’pajjiżhom.

Sport