Tuesday, May 14, 2024

L-unità fi ħdan l-UE hija kruċjali biex tintemm il-gwerra u tingħata għajnuna lill-Ukrajna

Aqra wkoll

Waqt dibattitu li sar dalgħodu, il-Membri Parlamentari Ewropej iddiskutew il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi li qed ikollha taffaċċja l-Unjoni Ewropea bħala riżultat tal-gwerra Russo-Ukrajna. Huma faħħru s-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja u l-pakkett ta’ rkupru tal-Ukrajna — it-tnejn ippreżentati mill-President tal-Kummissjoni, von der Leyen.

Il-Membri Parlamentari Ewropej enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu appoġġati wkoll iċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni Ewropea li jinsabu affettwati mill-gwerra, u appellaw għall-għaqda fost l-Istati Membri. Huma talbu wkoll appoġġ għall-pajjiżi li qed jiffaċċjaw il-piż tal-effetti tal-gwerra, kemm bħala konsegwenza tad-dipendenza tagħhom fuq il-gass u ż-żejt Russu, jew minħabba li jospitaw għadd kbir ta’ refuġjati Ukreni.

Il-Ministru Delegat Franċiż għall-Integrazzjoni, Brigitte Klinkert, u l-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, fetħu d-dibattitu. Tista’ tara d-dikjarazzjonijiet tal-ftuħ tagħhom hawnhekk.

Il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Ewropej saħqu fuq il-ħtieġa li jiġi megħlub Putin u enfasizzaw ukoll li l-aħjar mod biex dan ikun possibbli huwa li jiġu minimizzati l-ispejjeż iffaċċjati mill-Unjoni Ewropea nnifisha. Dan jippermetti li tinżamm l-unità fost l-Istati Membri, jittaffew l-effetti fuq il-familji u n-negozji, u jippermetti lill-Unjoni Ewropea tgħin aħjar fir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra. 

Il-Membri Parlamentari Ewropej enfasizzaw il-qagħda mwiegħra ta’ dawk il-persuni fl-Unjoni Ewropea li jkollhom jagħżlu bejn ix-xiri tal-ikel jew it-tisħin ta’ djarhom, u talbu wkoll lill-Kummissjoni biex tikkunsidra fuq bażi ta’ każ b’każ jekk għandhiex timxi ‘l quddiem b’leġiżlazzjoni ġdida li tista’ żżid piżijiet addizzjonali fuq in-negozji li diġà qed ibatu. 

Tista’ tara l-ewwel rawnd ta’ interventi tal-MPE hawnhekk.

Tista’ tara d-dibattitu sħiħ hawnhekk.

Sport