Friday, November 29, 2024

L-Università tgħid li d-deputata tal-PL ġiet trattata bl-istess mod bħal akkademiċi oħrajn

Aqra wkoll

“L-applikazzjoni għall-promozzjoni tagħha ġiet trattata bl-istess mod bħal akkademiċi oħrajn u skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Ftehim Kollettiv rilevanti”. Iddikjarat dan l-Università ta’ Malta fi kjarifika li għamlet b’reazzjoni għal rapporti li qed jiċċirkolaw fil-midja b’rabta mal-protest ġudizzjarju mressaq mill-Psikologa u Deputata Laburista Katya De Giovanni.

De Giovanni, li hija Senior Lecturer fl-Università ta’ Malta, fl-aħħar jiem ressqet protest ġudizzjarju sabiex l-Università treġġa’ lura d-deċiżjoni tagħha li ma tirrakkomandahiex għal promozzjoni għal Associate Professor fejn qalet li din id-deċiżjoni kienet waħda diskriminatorja fil-konfront tagħha.

L-Università minn naħa tagħha ċaħdet kull allegazzjoni ta’ għemil ħażin fil-każ ta’ De Giovanni u kompliet biex tirrimarka li din għandha d-dritt għar-rikors legali u statutorju kollu disponibbli għaliha. Barra minn hekk ikkonfermat ukoll li se tkun qed tissottometti r-risposta tagħha għall-protest ġudizzjarju fil-futur qarib.

De Giovanni, li hija lettur fil-Fakultà tal-Benesseri Soċjali qalet li d-deċiżjoni hija waħda “arbitrarja u inġusta” u qalet li lesta tieħu iktar azzjonijiet legali kontra l-Università sakemm id-deċiżjoni tiġi revokata u l-promozzjoni tagħha tingħata b’effett immedjat.

Il-lettur esprimiet dubji dwar l-“analiżi dettaljata” li saret wara li hija għamlet talba formali lill-bord biex jirrivaluta d-deċiżjoni tiegħu. Kompliet biex issostni li l-fatt li ma ngħatat l-ebda raġuni dwar ir-rifjut imur kontra l-obbligu li għandha l-amministrazzjoni f’dan ir-rigward. Argumentat ukoll li ġiet imċaħħda milli tingħata vuċi quddiem bord u li għalhekk l-amministrazzjoni hawnhekk kisret prinċipju ieħor.

Il-protest ġudizzjarju ffirmat mill-Avukat Edward Zammit Lewis kien juri wkoll tħassib dwar it-tul tal-proċess li kien deskritt bħala “rraġonevoli u inaċċettabbli” minħabba li l-applikazzjoni tagħha tmur lura għall-2021.

Id-deputata Laburista fil-protest mressaq minnha allegat ukoll li kandidati oħrajn, anke bi kwalifiki u inqas esperjenza minnha gawdew minn proċess aktar effiċjenti u ngħataw promozzjoni.

Sport