Sunday, November 24, 2024

Lando Norris se jingħaqad ma’ Red Bull?

Aqra wkoll

Teżisti possibbiltá kbira li t-team tar-Red Bull jibda jsegwi lis-sewwieq Brittaniku, Lando Norris, li qed jitqies bħala stilla tal-futur. 

Dan wara li rebaħ il-Grand Prix li bħal donnu ġej minn wara u jinsab fit-tieni post tal-klassifika wara l-Olandiż Max Verstappen. 

Iżda wara din ir-rebħa Norris innifsu warrab l-idea li huwa jista’ jegħleb lil Verstappen għar-rebħ tat-titlu. Iżda r-rebħa dominanti tiegħu proprju fl-Olanda żgur li nkwetat lir-Red Bull. 

Wara din it-tiġirja, il-konsulent tar-Red Bull, Helmut Marko, qal li r-rebħa ta’ Norris kienet “allarmanti”  u għamilha ċara li qed jitkellem mhux biss dwar il-kampjonat tal-kostrutturi, li fih diġà kien ċar ħafna li r-Red Bull kienu fl-inkwiet,  iżda wkoll tas-sewwieqa hekk kif Verstappen għandu vantaġġ ta’ 70 punt meta fadal disa’ tiġri­jiet għat-tmiem. 

U Verstappen innifsu, li issa ilu ma jirbaħ mill-Grand Prix ta’ Spanja, jiġifieri f’Ġunju li għadda, jew aħjar ħames tiġrijiet ilu, ma qabilx.

“Tmiem il-ġimgħa li għadda kien biss ħażin b’mod ġe­ne­rali,” qal Verstappen. “Għalhekk irridu nifhmu dan.

“L-aħħar ftit tiġrijiet  ma tantx kienu tajbin. Allura dak, naħseb f’ċertu sens, kien diġà daqsxejn allarmanti.

“Iżda nafu li m’għandniex bżonn nippanikjaw. Aħna biss qed nippruvaw intejbu s-sitwazzjoni. U dan hu li qed naħdmu fuqu. Peró, l-F1 hija kkumplikata ħafna.”

Ir-rebħa ta’ Norris kienet it-tieni l-aktar dominanti tas-sena, f’termini tal-vantaġġ tar-rebbieħ fuq l-eqreb ri­val tiegħu. L-oħra kienet reġistrata minn  Verstappen fl-ewwel tiġrija, dik tal-Bahrain,  meta temm 25 sekonda quddiem il-kollega tiegħu, Sergio Perez. Nhar il-Ħadd li għadda huwa ġie megħlub bi 22.9 sekondi. 

Mandankollu, Norris huwa nieqes mill-esperjenza. Dan minħabba li diversi drabi huwa ċeda l-vantaġġ f’bosta tiġrijiet li minnhom Verstappen approfitta. 

Eżempji ta’ dawn kienu  fi Spanja, fl-Ungerija u fil-Bel­ġju, bil-konsegwenza li naqas li jirbaħ. Iżda fiċ-ċirkwit ta’ Zandvoort huwa żamm sod biex rebaħ b’mod mill-aktar impressjonanti.

Wara din ir-rebħa, Norris sostna: “Kull sewwieq jikkompeti għar-rebħ tal-kampjonat. Irrid ngħid li minkejja li għadni ftit ‘il bogħod biex nagħmel dan, qed nikseb l-es­perjenza u ninsab fit-triq il-ġusta. Peró rrid inkompli naħdem biex intejjeb il-wirjiet tiegħi. 

“Bħalissa ninsab 70 punt wara l-leader tal-klassifika, Verstappen, u nkun stupidu jekk nibda naħseb għar-rebħ tat-titlu. Irrid nikkonċentra f’kull tiġrija li nagħti l-massimu tiegħi. “

“Jien nieħu tiġrija waħda kull darba u nibqa’ nagħmel dak li qed nagħmel issa għax m’hemmx għalfejn naħsibha ‘l quddiem u naħseb fil-bqija. Ma jimpurtanix minnha fil-minuta. Allura mhix mistoqsija li jien jeħtieġ li tintalab kull tmiem il-ġimgħa.”

Sport