Newcastle United eliminaw lill-holders Manchester United mil-League Cup biex ikkwalifikaw għall-kwarti-finali.
Manchester United reġgħu kienu f’Old Trafford biex f’żewġ logħbiet wara xulxin spiċċaw megħluba bl-istess riżultat ta’ 3-0 bl-ewwel waħda dik ta’ nhar il-Ħadd meta l-avversarji kienu l-ġirien mill-istess belt, Manchester City.
Newcastle, li kienu ġejjin minn draw missielet kontra Wolves nhar is-Sibt, fetħu l-iskor minn Miguel Almiron (28) u tmien minuti wara Lewis Hall (36) għamilhom tnejn bil-goal li ssiġilla r-rebħa għat-Toons jiskorjah Joseph Willock (60).
Liverpool marru għand Bournemouth u għelbuhom 2-1 b’goal f’kull taqsima fejn kien Cody Gakpo (31) li fetaħ l-iskor, u meta daru Justin Kluivert (60) kiseb id-draw għaċ-Cherries bl-aħħar kelma tkun ta’ Darwin Nunes (70) li ta r-rebħa lit-team ta’ Jurgen Klopp.
Arsenal marru għand West Ham u kellhom ibaxxu rashom bl-iskor ta’ 3-1 bil-Hammers imorru f’vantaġġ ta’ tliet goals minn Ben White (16 auto-goal), Mohammed Kudus (50) u Jarrod Bowen (80) bil-goal ta’ konsolazzjoni għall-Gunners jiġi minn Martin Odegaard (90).