Wednesday, December 25, 2024

Lecce jkeċċu l-coach wara li ħebb għal attakkant ta’ Verona

Aqra wkoll

Lecce keċċew lil Roberto D’Aversa wara li nhar il-Ħadd il-coach ipprova jagħti daqqa ta’ ras lill-attakkant ta’ Hellas Verona, Thomas Henry.

Is-Salerntani kkonfermaw it-tkeċċija ta’ D’Aversa bi stqarrija fuq il-websajt uffiċjali tagħhom il-bieraħ filgħodu.

“Wara li seħħew l-inċidenti fi tmiem Lecce-Verona, Lecce ħabbru li rrilaxxaw lill-coach Roberto D’Aversa minn dmirijietu. Nirringrazzjaw lill-coach u lill-persunell tiegħu għax-xogħol tagħhom.”

It-tensjoni żdiedet wara t-tisfira finali fi Stadio Via Del Mare nhar il-Ħadd, meta Verona kienu għadhom kemm għelbu lill-ospiti. 

L-attakkant tal-viżitaturi Henry kien argu­menta mad-difensur ta’ Lecce, Marin Pongracic, fl-aħħar minuti u kkonfronta lil D’Aversa wara t-tisfira finali.

Il-coach Taljan laqat lill-attakkant Franċiż, ipprova jagħtih b’rasu u t-tnejn irċevew karta ħamra diretta.

Lecce ‘ikkundannaw’ l-aġir tal-coach tagħ­hom, filwaqt li D’Aversa qal li l-attakkant ta’ Verona kien ‘ipprovokah’.

Bosta sorsi Taljani ħassew li t-tkeċċija ta’ D’Aversa kienet inevitabbli u Lecce kkonfermaw id-deċiżjoni tagħhom il-bieraħ filgħodu. Il-coach Taljan mistenni jirċievi projbizzjoni fit-tul, filwaqt li l-Giallorossi  rebħu darba biss fl-aħħar 12-il partita.

Leonardo Semplici huwa fost il-kandidati li jingħataw it-tmexxija tat-team  fi Stadio Via Del Mare għall-aħħar 10 logħbiet tal-istaġun.

It-telfa tal-Ħadd rat lil Lecce jinżlu fil-15-il post tas-Serie A taħt Verona punt biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni.

Lecce rebħu darba biss fl-aħħar 12-il logħba waqt li tilfu disa’ logħbiet f’din is-sensiela.

Ekonomija

Sport