Monday, December 9, 2024

Mohamed Salah jitħalla barra mill-iskwadra tal-Eġittu

Aqra wkoll

L-attakkant ta’ Liverpool, Mohamed Salah, tħalla barra mill-iskwadra tal-Eġittu għal tournament ta’ ħbiberija aktar tard dan ix-xahar.

Salah għamel biss żewġ dehriet bħala sostitut għar-Reds mill-1 ta’ Jannar – hekk kif sofra injury fil-hamstring fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani, segwit minn għejja fil-muskoli.

Liverpool kienu talbu biex il-player ta’ 31 sena jitlef it-tournament li se jsir fl-Emirati Għa­rab Magħquda.

U għalkemm inizjalment kien magħżul mill- Eġittu, Salah għadu ma ġiex imsemmi fl-iskwadra finali tagħhom ta’ 25 player.

Il-manager ta’ Liverpool, Jurgen Klopp, qabel qal: “Żewġ logħbiet mal-Eġittu verament mhu­miex fir-responsabbiltá tiegħi, huma diskussi ma’ dipartimenti oħra.

“Irridu noqogħdu attenti,  iżda ninsabu f’nofs perjodu ta’ staġun super-intens u neħtieġu lil kulħadd.”

L-Eġittu qablu li jħallu lil Salah jirritorna mal-club tiegħu għar-rijabilitazzjoni f’Jannar, bil-ħsieb li jerġa’ jingħaqad mal-iskwadra tagħhom tal-AFCON, iżda l-Pharaohs ġew eliminati fl-Aħħar 16.

Huwa skorja bħala sostitut fir-rebħa ta’ Liverpool fi Brentford fis-17 ta’ Frar iżda Klopp imbagħad qal li l-attakkant kellu bżonn aktar ħin biex jirkupra. Huwa reġa’ rritorna waqt ir-rebħa bl-iskor ta’ 5-1 tal-Europa League tal-Ħamis li għadda kontra Sparta Praga.

Il-Winsunited Cup inawgurali se ssir waqt il-waqfa internazzjonali li jmiss u l-Eġittu se jilagħbu żewġ logħbiet f’Abu Dhabi bejn it-22 u s-26 ta’ Marzu – kontra New Zealand u mbagħad il-Kroazja jew it-Tuneżija.

Minkejja l-assenza riċenti tiegħu, Salah jibqa’ l-aqwa skorer ta’ Liverpool dan l-istaġun b’19-goals fil-kompetizzjonijiet kollha.

Ekonomija

Sport