Friday, December 27, 2024

LEĦEN AKBAR LIĊ-ĊITTADIN

Aqra wkoll

Waħda mill-inizjattivi immedjati li ngħataw prijorità mill-Gvern wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta-Sofia, biex is-settur tal-kostruzzjoni jkompli jkun riformat u aġġornat għaż-żminijiet tal-lum, kienet dik li jingħata leħen akbar liċ-ċittadin b’sistemi aħjar u aktar aċċessibbli. Dan jagħmilha aktar faċli li dawk li huma l-aktar affettwati mill-iżvilupp li jkun qed iseħħ qrib tagħhom jew li jista’ jolqothom b’xi mod ieħor, iressqu l-argumenti jew l-ilmenti tagħhom biex dawn jiġu indirizzati kemm jista’ jkun malajr. 

Biex dan seta’ jintlaħaq, il-Gvern imbarka fuq ħidma li ma waqfet xejn anke matul ix-xhur tas-sajf fejn fost l-oħrajn rajna t-tnedija tal-Helpline 138 għal kull talba relatata mal-qasam tal-kostruzzjoni u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dan jidher li qabad ritmu tajjeb fejn fl-ewwel ġimagħtejn mit-twaqqif tiegħu, fuq dan il-helpline – li jopera 24 siegħa kuljum – daħlu aktar minn 1,000 telefonata. 

Għalhekk, nemmnu li kienet deċiżjoni għaqlija li l-Gvern iniedi dan is-servizz billi r-rispons li qed ikun hemm huwa wieħed sinifikanti. Huwa importanti wkoll li n-nies minflok jirrikorru għall-midja soċjali biex iwasslu l-ilment jew it-tħassib tagħhom, kif ta’ spiss naraw, issa għandhom mezz aktar effikaċi biex iressqu l-ilmenti dwar dak kollu li jkun qed jinkwetahom. 

Biex ikun ikkumplimentat dan il-helpline, tnieda wkoll servizz ġdid ta’ assistenza professjonali għal dawk affettwati mill-kostruzzjoni. Dan is-servizz se jkun qiegħed jingħata wara proċess ta’ sejħa pubblika li wassal għal twaqqif ta’ panel ta’ 20 professjonist, kompost minn 10 avukati u 10 periti. 

Dan is-servizz ġdid huwa ħolqa oħra minn katina ta’ inizjattivi u riformi li għaddejjin f’dan is-settur, u li qed jingħata bla ħlas. Kull individwu nemmnu li għandu d-dritt li jifhem l-implikazzjonijiet tal-iżvilupp fil-viċinanzi tiegħu u li jħares l-interessi tiegħu. 

Il-Gvern għandu l-viżjoni ċara li jagħti s-setgħa bl-għarfien u r-riżorsi meħtieġa biex dawk affettwati jkunu jistgħu jifhmu l-kumplessitajiet ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni anke b’assistenza teknika. B’hekk se jkun hemm aktar serħan il-moħħ għaċ-ċittadin biex kull inkwiet jew tħassib li jista’ jkollu kaġun tal-iżvilupp li jkun qed isir qribu, se jkollu fejn jirrikorri.

Ekonomija

Sport