Wednesday, May 15, 2024

LEJN SETTUR TURISTIKU TA’ EĊĊELLENZA

Aqra wkoll

Is-sena li għaddiet kienet oħra pożittiva għall-ajruport internazzjonali ta’ Malta meta għaddew aktar minn 7.8 miljun passiġġier. Mill-indikazzjonijiet, jidher li din is-sena 2024 se tkun sena oħra fejn l-għadd ta’ passiġġier li jgħaddu mill-ajruport huwa mistenni jilħaq kważi t-8 miljun. 

Dawn ir-riżultati pożittivi għal pajjiżna jingħaqdu ma’ dawk li tħabbru mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika t-Tlieta li għadda, fejn jirriżulta li fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena li għaddiet ġew aktar turisti f’pajjiżna minn sena sħiħa fl-2019, is-sena qabel faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19. Fl-istess waqt, kienu rreġistrati żidiet fl-infiq tat-turisti u anke fl-iljieli li dawn qattgħu f’pajjiżna. 

Għalhekk kollox jindika li s-sena 2023 se tkun waħda rekord għat-turiżmu f’pajjiżna, bil-prospetti għal din is-sena jidhru li se jerġgħu jkunu sbieħ. Din is-sena wkoll se ssir bidla fis-settur tal-avjazzjoni lokali billi se naraw it-tmiem tal-Air Malta u l-bidu ta’ kumpanija ġdida – il-KM Malta Airlines fl-aħħar ta’ Marzu li ġej. 

B’sodisfazzjon ninnutaw li mindu fetħet il-bookings fl-4 ta’ Diċembru li għadda, KM Malta Airlines diġà rċeviet kwart ta’ miljun booking għas-sajf tal-2024. Fl-istess waqt il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida qiegħda tesperjenza domanda qawwija kemm għat-tariffi business class u l-flexible economy. 

Nemmnu iżda li quddiem dawn ir-riżultati kollha, is-servizz mogħti lit-turist għandu jibqa’ jkun tal-ogħla livell. B’dan il-mod inkunu nistgħu nibqgħu mhux biss nattiraw aktar turisti lejn pajjiżna, imma aktar turisti jerġgħu jagħżlu li jżuru dawn il-gżejjer. 

Huwa għalhekk li l-Gvern se jkun qiegħed jintroduċi l-iskill cards fit-turiżmu, biex ikun assigurat li l-industrija jkollha biżżejjed ħaddiema ta’ kwalità. Għalhekk nemmnu li huwa għaqli li l-Gvern iħares mhux biss lejn il-kwantità imma aktar u aktar lejn il-kwalità tas-servizz offrut. 

Il-ħtieġa li nkomplu naġġornaw il-prodott turistiku tagħna għandha tibqa’ prijorita u dan sabiex is-settur ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi preżenti u dawk futuri. Dan, nemmnu bis-sħiħ li huwa essenzjali anke meta wieħed iżomm f’moħħu l-pjanijiet li għandu l-Gvern għal dan is-settur, dak li s-settur turistiku jkun wieħed ta’ eċċellenza.

Sport