Hekk kif illum tibda uffiċjalment il-15-il leġiżlatura tal-Parlament, se jintemm ukoll il-perjodu ta’ Dr Anġlu Farrugia bħal Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, kariga li ilu jokkupaha għal dawn l-aħħar 13-il sena. Fl-aħħar intervista tiegħu bħala Speaker, Dr Farrugia awgura lillIspeaker nominat Carmelo Abela filwaqt li ddikjara li jinsab dispost li jkompli jservi jekk il-pajjiż isejjaħlu.
L-Ispeaker Farrugia stqarr li meta beda f’din il-kariga, huwa kien qal lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat li ried ikun “full-time”għaliex ried jagħmel ir-riformi kollha li kien hemm bżonn inkluż l-awtonomija parlamentari li ħafna speakers oħra qablu kienu wkoll tkellmu dwar il-ħtieġa li din issir.
“Iddedikajt l-ewwel snin tiegħi bħala Speaker billi għamilt Kumitat ad hoc, ġew ippreżentati rapporti fuq l-awtonomija parlamentari u fl2016 għaddiet il-liġi. U f’Jannar tal-2017 bdejna bl-awtonomija,” qal Dr Farrugia li ddeskriva dan l-iżvilupp bħala wieħed importanti ħafna. Huwa nnota wkoll kif minn sitt Kumitati Parlamentari dak iż-żmien, illum għandna 18 u kollha jiffunzjonaw bl-aktar mod effiċjenti. Fl-istess waqt, ir-rata ta’ kemm jgħaddu liġijiet mill-Parlament kull sena hi waħda b’saħħitha.
Saret ħidma wkoll f’dak li jirrigwardja d-domandi parlamentari waqt li s-seduti qed jiġu trażmessi b’mod dirett biex il-pubbliku jkun jista’ jsegwi dak li jkun għaddej, mentri d-dokumenti li jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra jiġu mpoġġija wkoll online, l-istess fir-rigward tar-rulings mogħtija mill-Ispeaker. Huwa tkellem ukoll dwar il-parteċipazzjoni tiegħu filfora internazzjonali fejn qal li ġie elett erba’ darbiet millCommonwealth biex jirrappreżenta l-Ispeakers tal-Commonwealth.
Dan filwaqt li waqqaf l-ewwel Parlament Internazzjonali dwar il-Paċi u t-Tolleranza f’Malta u dak li qed jitkellmu fuqu f’pajjiżna ġie inkorporat f’aktar minn 100 pajjiż. “Seklu u aktar ta’ trasformazzjoni nazzjonali” Fl-intervista, ma stajniex ukoll ma nsaqsux lill-Ispeaker Farrugia dwar il-ġrajja tasSette Giugno. Huwa qal li din kienet ġrajja li għandha tibqa’ mnaqqxa fl-istorja ta’ pajjiżna. “Kienet importanti għaliex il-Maltin ħallsu b’demmhom u tant ħallsu b’demmhom li dak kollu li sar wara, wieħed dejjem għandu jiftakar minn fejn telaq, bi tbatija ta’ dawn in-nies, dawk li mietu, dawk li sofrew, dawk li marru l-ħabs. Meta nagħmel riflessjoni fuq dan kollu, għaddew 107 snin. Seklu u aktar ta’ trasformazzjoni nazzjonali,” qal Dr Farrugia.
Sadanittant, fid-diskors tiegħu waqt iċ-ċerimonja tasSette Giugno, l-Ispeaker kien semma kif ir-rispett lejn l-istituzzjoni tal-Parlament għandu jkun wieħed assolut. Mitlub jelabora dwar dan, huwa saħaq li meta tiġi magħżul millpoplu biex tirrappreżenta lilu u lill-pajjiż, m’għandek l-ebda dritt tagħmel dan “għall-gallarija”.
“Meta jsiru inċidenti filParlament fejn wieħed jipprova jagħmel ċertu “teatrin” u li ma jwasslek imkien, għamiltha ċara li dan m’għandu qatt ikun ripetut,” qal l-Ispeaker Farrugia. “Tajjeb li wieħed jixtarr dan id-diskors biex wieħed ikun jaf fejn għandu jmur. Ir-responsabbiltà, il-korrettezza u l-verità. Dawn kollha huma l-morali ta’ kull Membru Parlamentari biex ikun idoneu u verament ikun impekkabbli fir-rappreżentanza tiegħu.”
“Il-privileġġ parlamentari m’għandux jiġi abbużat” Dwar il-privileġġ parlamentari, l-Ispeaker Farrugia reġa’ saħaq li dan m’għandux jiġi abbużat. “Il-privileġġ parlamentari għandu jkun hemm ħalli ħadd ma jibża’ jgħid il-verità fil-Parlament imma m’għandux jiġi abbużat. Meta tabbuża, allura għandu jkun hemm rimedju għal dak iċ-ċittadin li jkun qed isofri d-danni ta’ min ikun abbuża millprivileġġ parlamentari.
Dan ir-rimedju għandu jkun f’idejn l-Ispeaker li jinvestiga jekk il-Membru Parlamentari, hu min hu, ma jkunx qal l-affarijiet eżatt, l-Ispeaker jiġbidlu l-attenzjoni li jew jikkoreġi ruħu jew inkella jiġi ‘named and shamed’,” tenna l-Ispeaker. Lejn l-aħħar ta’ din l-intervista, Dr Farrugia rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu miegħu f’dan il-vjaġġ, inkluż lill-impjegati tal-Parlament, li ddeskriviehom bħala “effiċjenti u leali lejn l-istituzzjoni.”
Kien hawn fejn semma kif il-ftehim kollettiv għall-impjegati tas-Servizz Parlamentari, li ġie nnegozjat flimkien mal-GWU, kellu importanza partikolari. Tenna li dan ilftehim bħala “pass ta’ rispett lejn il-ħaddiema tal-Parlament u lejn il-funzjoni kostituzzjonali tal-istituzzjoni.” “Nirringrazzjahom minn qalbi u nawgura lill-Ispeaker ta’ warajja li jkompli bil-ħidma ma’ dan l-istaff li huwa tant dedikat u professjonali,” temm jgħid Dr Farrugia.

